Internazzjonali

L-Olokawst: Imfakkra l-Lhud li sfaw vittmi tal-ġenoċidju, fost l-effetti tal-pandemija

Id-dinja, illum, fakkret il-Jum Internazzjonali dedikata lit-Tifkira tal-Olokawst….Avveniment ta’ kull sena fejn in-nies, żgħażagħ u anzjani jirriflettu fuq il-ġenoċidu tat-Tieni Gwerra Dinjija li rriżulta fl-imwiet ta’ sitt miljun Lhud u ħdax-il miljuni oħra taħt idejn ir-reġim Nażista ta’Adolf  Hitler.

L-ewwel Holocaust Memorial Day kien sar fl-2005 wara li n-Nazzjonijiet Uniti ffissat id-data (27 ta’ Jannar) biex tfakkar is-60 anniversarju tal-liberazzjoni tal-kampijiet tal-konċentrazzjoni tan-Nażisti lejn l-aħħar tal-perjodu tal-Olokawst.

It-tema tal-Jum iddedikat lill-Olokawst għal din is-sena kienet ‘Ejjew inservu bħala dawl fl-eqqel tad-dlam ( Be the light in the darkness)’.

It-tema kienet deċiża madwar sena u nofs ilu, iżda l-pandemija globali tal-coronavirus – li rriżultat f’għexieren ta’ eluf  ta’ imwiet, katastrofi ekonomiku madwar id-dinja u problemi mentali għal mijiet ta’ eluf ta’ nies – tfisser ukoll li din it-tifkira kellha sinifikat partikulari f’dawn iż-żmenijiet ta’ kriżi internazzjonali.

L-attivisti u uffiċjali involuti fit-tifkira tal-World Holocaust Day, intant, wissew li numru ta’ persuni u gruppi pruvaw ‘jisfruttaw’ din il-pandemija biex iferrxu ‘teoriji ta’ kumplotti infondati’ waqt li ‘jiżirgħu il-mibgħeda’.

Il-messaġġ ewlieni li ħareġ, waqt Jum l-Olokawst, hu biex in-nies, illum, jieħdu responsabbiltà għal kliemhom u jqumu kontra min jipprova jqajjem it-tensjoni u l-inkwiet qalb is-soċjetà. Fattur li qed jinkwieta ħafna lill-mexxejja tallum jinvolvi l-impatt ‘tal-lingwaġġ diviżiv’ li qed jintuża biex iqajjem ‘sens ta’ antagoniżmu bejn il-komunitajiet u (anki) kontra l-minoranzi’.

Il-propaganda perikoluża u messaġġi ta’ intolleranza li qegħdin jidhru fuq il-media soċjali, fl-istess ħin, għandhom jenfasizzaw ‘in-neċessità li kulħadd ifakkar Jum l-Olokawst’ biex il-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-futur irażżnu kemm jistgħu l-messaġġi ta’ mibgħeda – jew hate speech – fuq l-Internet u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.

Messaġġ importanti ieħor f’Jum l-Olokawst kien biex in-nies jieħdu l-ispirazzjoni minn dan l-avveniment bil-għan li jqumu kontra l-preġudizzju waqt li jevitaw li l-lingwaġġ tal-estremistima ‘isir ħaġa komuni u aċċettata fuq livell ġenerali’.

Dan meta llum hu importanti aktar minn qatt qabel li n-nies tad-dinja jitgħallmu mill-passat u minn kapitli suwed fl-istorja, bħall-ġenoċidju tal-Lhud.

It-tagħlim mill-iżbalji u r-reati tal-passat kontra l-poplu hu fuq kollox kruċjali biex in-nies, kollettivament, joħolqu futur aħjar għalihom u uliedhom.

Ħafna miċ-ċerimonji tradizzjonali ta’ Holocaust Day din is-sena saru online minħabba r-regoli tal-lockdown assoċjati mal-Covid-19 u dawn, ħafna drabi, kienu jinvolvu programmi għal kollox diġitali.

Sadanittant, in-nies f’numru ta’ pajjiżi kienu mħeġġa biex juru l-appoġġ u rispett lill-vittmi tal-Olokawst b’li jixgħelu x-xemgħat u jpoġġuhom fit-twieqi tad-djar li jħarsu għal barra.