Internazzjonali

Stati Uniti-Russja: Joe Biden iwissi lil Putin dwar indħil fl-elezzjonijiet

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, wissa lill-President tar-Russja Vladimir Putin dwar l-indħil fl-elezzjonijiet li jinvolvu lill-poplu Amerikan.

It-telefonata kienet l-ewwel waħda bejn il-mexxejja mindu Biden kien inawgurat bħala s-46 President tal-Istati Uniti – u meta fadal is-suspetti li r-Russja kienet ‘ħadmet minn taħt’ biex taċċerta r-rebħa elettorali tal-eks President Amerikan Donald Trump, fl-2016.

Fid-diskursata, Biden u Putin anki trattaw il-protesti tal-Oppożizzjoni fir-Russja, iżda l-Kremlin ta’ Moska – fi stqarrija li ħareġ aktar tard – ma rrefera għall-‘ebda element ta’ tensjoni’. L-istqarrija kompliet li d-diskursata bejn il-Mexxejja kienet waħda formali li trattat issues ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi.

Intant, Joe Biden u Vladimir Putin qed jidhru li huma lesti biex iġeddu l-aħħar ftehim tal-Istati Uniti u r-Russja dwar l-aspett nukleari.

L-istqarrija mill-White House, wara t-telefonata, sostniet li ‘il-President Biden għamilha ċara li l-Istati Uniti lesta biex tieħu azzjoni determinata biex tiddefendi l-interessi nazzjonali tagħha’. Dan meta ‘l-azzjoni mgħandhiex tonqos fl-eventwalità ta’ aġir mir-Russja li jaffettwa ħażin lill-Amerikani jew lill-alleati tagħhom’.

Fis-snin li dam President tal-Istati Uniti, Donald Trump kien ipprova jnaqqas mill-pożizzjoni iebsa tal-Gvern tiegħu stess fil-konfront tar-Russja, waqt li kien ukoll akkużat b’li ‘wera rispett eżaġerat lill-President Putin’.

Madankollu, anki l-eks President Amerikan Barack Obama – li mexxa lill-Istati Uniti għal erba’ snin qabel Trump u li kellu lil Joe Biden bħala Viċi-President – kien ukoll ikkritikat talli ‘ma waqafx lill-Kremlin’ meta r-Russja, fl-2014, ħatfet il-Krimea lill-Ukrajna u għaqqaditha ma’ artha. Il-Gvern ta’ Obama kien ukoll ‘ineffettiv’ quddiem l-intervent militari tar-Russja fil-gwerra ċivili tas-Sirja.