Għawdex Knisja Lokali

XOKKANTI: “Kont abbużat u mhedded; fil-konfessjonarju…fis-Sagristija”

Kellu 8 snin. Kien abbati. Kien jiġi abbużat fil-konfessjonarju u anke fis-Sagristija. Storja li seħħet fix-Xagħra Għawdex snin ilu…u li tħallik bla kliem.

Il-każ tas-saċerdoti Għawdxin inkixef fis-Sajf li għadda meta l-vittma rritorna Għawdex, wara snin jgħix barra mill-pajjiż. Għalkemm l-Isqof preżenti, Anton Teuma, kien ilu jaf sentejn u kien qallu biex jirraporta u kien ta parir biex ikellem lil Andrew Azzopardi mis-Safeguarding Commission.

Hija din id-dikjarazzjoni li saret fil-Qorti mill-vittma ta’ dawn l-allegati abbużi sesswali, fejn imbikkem, stqarr li ħafna drabi hu kien sfurzat. Din ix-xiehda ngħatat permezz ta’ video conferencing.

Il-qassisin akkużati b’dak il-każ serjissimu huma Joseph Cini u Joseph Sultana. Dan tal-aħħar kien l-ewwel li tressaq fil-Qorti t’Ghawdex, assistit mill-avukat Angele Formosa. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Il-Qorti ordnat divjet fuq l-isem tal-vittma.

Intant fi stqarrija, id-Djoċesi ta’ Għawdex esprimiet solidarjetà ma’ dawk kollha li qegħdin ibatu. Id-Djoċesi qalet li filwaqt li tistenna li l-Qorti tieħu l-kors tagħha biex toħroġ il-verità, il-Knisja ttenni r-rieda u l-impenn sħiħ tagħha biex ħadd ma jkun vittma ta’ abbużi sesswali, fiżiċi jew morali.

Il-Kurja t’Għawdex qed tħeġġeġ lil dawk li ġarrbu xi abbuż biex jirrappurtaw lill-pulizija u biex, jekk l-abbuż sar minn persuni marbuta mal-Knisja, jikkuntattjaw ukoll lis-Safeguarding Commission.

L-istqarrija ttem tgħid li fir-rispett lejn il-verità, il-Knisja tfakkar li ħadd m’għandu jitqies ħati qabel ma jkun hemm sentenza definittiva tal-Qorti.