Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ diversi sulari

Żagħżugħ jinsab fil-periklu tal-mewt u qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei wara li waqa’ diversi sulari minn fuq is-swar tal-Imdina.

Kollox qed jindika li għall-ħabta tas-7pm tal-bieraħ il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq l-Għarreqin, ir-Rabat, minħabba li kien hemm persuna feruta u jokrob għall-għajnuna.

Fuq il-post il-pulizija sabu żgħażugħ ta’ 21 sena li jgħix ir-Rabat, mitluq għal tulu f’għalqa.

Iż-żgħażugħ ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat għadhom għaddejjin.

Dan huwa t-tieni żagħżugħ li waqa’ minn fuq sur din il-ġimgħa. Jumejn ilu, Żvizzeru ta’ 25 sena wkoll ġarrab ġrieħi serji wara li waqa’ minn fuq is-sur tal-Belt Valletta.