Il-Gvern għandu jibqa’ ffukat anke wara Marzu biex ikunu salvati n-negozji u l-impjiegi. Dan hekk kif qed jinħass b’mod ġenerali nuqqas ta’ fiduċja fost il-bejjiegħa.
Hekk qalu Paul Abela, Abigail Mamo u Marcel Mizzi – il-President, il-Kap Eżekuttiv u l-Viċi President tal-Kamra tal-SMEs – fl-ewwel reazzjoni tagħhom għall-istħarriġ dwar l-andament tan-negozju waqt il-pandemija.
Stħarriġ iddominat minn livell qawwi ta’ ansjetà u inċertezza, bl-Uffiċjali tal-Kamra tal-SMEs jesprimu tħassib li f’dan l-istadju, is-sidien tan-negozji żgur li se jkunilhom diffiċli jippjanaw għall-futur.
Fil-fatt, 89% tan-negozji qalu li kellhom tnaqqis fil-bejgħ mill-2019 għall-2020, bi 43% minnhom jgħidu li raw tnaqqis sa 50% jew aktar. Barra minhekk, 85% tal-ħwienet li jbigħu prodotti meqjusa bħala essenzjali raw tnaqqis jew baqgħu kif kienu fis-sena ta’ qabel.
Żmien il-Festi tal-Milied ukoll ma tantx kienu ta’ sodisfazzjon għan-negozji Maltin u Għawdxin, b’77% jgħidu li ma kienux sodisfatti jew baqgħu kif kienu fil-bejgħ f’dan il-perjodu, li normalment jiġbed lejh żieda qawwija ta’ kummerċ.
Fil-fatt, 91% tan-negozji qalu li, meta mqabbel ma’ żmien il-Festi tal-2019, raw tnaqqis fil-bejgħ tagħhom jew baqgħu kif kienu, fosthom 38% li qalu li raw tnaqqis sa 50% jew aktar.
Dawn iċ-ċifri, deskritti bħala xokkanti, kienu l-aktar kawża tal-pandemija tal-Covid-19. Madankollu, il-Kamra tal-SMEs tappella lill-Gvern biex jgħin aktar lin-negozji żgħar u medji.
Fil-fatt, 6% biss qalu li kapaċi jgħaddu mingħajr il-wage supplement wara Marzu, meta l-Prim Ministru qal li se jitwaqqaf. Barra minhekk, 68% qalu li jafu ma jkampawx sa sena oħra jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi.
U dan meta 35% tan-negozji qalu li ma ngħatawx wage supplement, għal xi raġuni jew oħra. Għaldaqstant, il-Kamra tal-SMEs tappella lill-Gvern biex ifittex jgħid x’se jagħmel għax min għandu l-impjegati u wara Marzu se jkollu jwaqqafhom, għandu jibda jiddeċiedi x’se jagħmel minn issa.
Bl-istess mod, il-Kamra kkritikat il-mod kif is-sidien tal-bars u l-każini kienu nfurmati mil-lum għal għada li kienu se jibqgħu magħluqin.
//= $special ?>