Għawdex Lokali Saħħa

Anton Refalo jgħid li dan ma’ Steward hu “l-aqwa deal”

Skont il-Ministru Għawdxi Anton Refalo, il-ftehim il-ġdid li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jiddiskuti ma’ Steward se jkun l-aqwa deal. Dan f’botta diretta lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li, meta t-tliet Sptarijiet Pubbliċi ngħaddew f’idejn il-kumpanija barranija, kien qal li dak kien “the real deal”.

Madankollu, sal-lum, l-Għawdxin għadhom ma raw l-ebda investiment minn Steward fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan hekk kif mill-investiment ta’ Steward fl-Iskola Medika ma gawda ħadd, ħlief il-kumpanija barranija u l-interessi kummerċjali tagħha.

Wieqaf ħdejn Ian Borg – Ministru qrib ħafna tal-Prim Ministru Robert Abela – Anton Refalo tefa’ l-botta lejn Chris Fearne meta mistoqsi minn NET News dwar il-futur ta’ Steward fil-gżira Għawdxija.

It-tweġiba ta’ Anton Refalo tinkwieta lil ħafna dwar kemm il-membri tal-Kabinett Laburista huma verament infurmati b’dak li qed ikun diskuss f’dan il-ftehim

Dan hekk kif il-futur ta’ Steward f’Għawdex għadu inċert, bil-Prim Ministru jikkonferma li l-unions li jirrappreżentaw lill-professjonisti mediċi – l-MUMN, il-MAM, u l-UHM – mhux ikunu involuti.

Iżda l-Ministru Anton Refalo, li għal xi żmien kien il-Ministru għal Għawdex, qal li dan il-Gvern qed jaħdem bil-għaqal fil-qasam tas-Saħħa għall-Għawdxin. Anke dan il-kumment f’botta diretta lejn persuna oħra tal-Kabinett: il-Ministru Justyne Caruana, illum Ministru tal-Edukazzjoni iżda li fil-Gvern ta’ Joseph Muscat kienet għal xi żmien Ministru għal Għawdex.

F’Jannar 2014, meta l-istess Refalo kien Ministru għal Għawdex, Caruana kienet qalet li jinħlew il-flus meta l-pazjenti Għawdxin jinġarru bil-ħelikopter għal testijiet fl-Isptarijiet Maltin.

Anton Refalo, li kien tneħħa minn Ministru għal Għawdex minn Muscat, reġa’ tpoġġa fil-Kabinett minn Robert Abela, b’ringrazzjament għall-għajnuna li tah fil-ġlieda għal-Leadership Laburista fost il-partitarji Għawdxin.