Internazzjonali

Covid-19: L-Unjoni Ewropea u AstraZeneca huma impenjati biex isolvu l-problema tal-vaċċini

L-Unjoni Ewropea u l-kumpanija AstraZeneca, il-produttur tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 li hu bbażat fir-Renju Unit, impenjaw ruħhom biex jirrisolvu tilwima ħarxa dwar in-nuqqas tad-dożi tat-tilqim lill-Unjoni ta’ 27 pajjiż-membru. Dan sar magħruf wara taħditiet urġenti li l-kelliema għaż-żewġ naħat fissruhom bħala ‘kostruttivi’.

Aktar kmieni fil-ġimgħa, l-AstraZeneca qalet li tista’ tipprovdi biss ‘parti’ mid-dożi li kienet wiegħdet lill-UE bejn dan ix-xahar u Marzu — u bil-kelliema għall-kumpanija jirreferu għall-issues ta’ produzzjoni fil-faċilitajiet tal-AstraZeneca fl-Olanda u l-Belġju. Madankollu, l-UE qalet li l-kumpanija hi obbligata li tonora l-impenji tagħha u tipprovdi t-tilqim ‘imwiegħed’ għal kontra l-coronavirus b’li tieħu mid-dożi li hemm maħżuna fir-Renju Unit.

Sadanittant, is-sitwazzjoni hi aktar ikkumplikata peress li r-Renju Unit kien iffirma, bla telf ta’ żmien, il-kuntratt għall-vaċċin mal-AstraZeneca, bl-UE ‘titnikker’ għal madwar tliet xhur – u waqt li l-pandemija kompliet taħkem fl-Ewropa.

Intant, l-UE iffirmat ftehim mal-AstraZenica f’Awwissu biex tingħata mat-300 miljun doża tal-vaċċin – u meta għandha wkoll l-għażla li tinvesti f’100 miljun doża oħra, Iżda l-kumpanija Anglo-Żvediża, issa, qed tirrapporta ‘intoppi fil-produzzjoni’ fost l-istqarrijiet li ‘il-livell tal-produzzjoni, bażikament, waqa’ xahrejn lura miż-żmien previst’.

Il-kuntratt bejn l-UE u l-AstraZeneca fih klawżola tal-kunfidenzjalità, iżda l-UE talbet lill-kumpanija biex toħroġ id-dettalji fil-pubbliku ‘xorta waħda’.Dan meta r-rapporti qalu li l-UE għandha tingħata ‘mas-60 fil-mija anqas dożi tal-vaċċin ( madwar 50 miljun tilqima)’milli kienet imwiegħda fl-ewwel parti tas-sena.

Intant, il-vaċċin tal-AstraZeneca – li kien żviluppat bis-sehem tal-Università ta’ Oxford – għadu mhux approvat mill-UE, għalkemm l-approvazzjoni tista’ tingħata proprju llum.

L-Unjoni  Ewropea, fl-istess ħin, qed tkun ikkritikata mill-istampa fl-Ewropa – partikularment dik Ġermaniża – għall-‘pass kajman iż-żejjed tal-programmi tat-tilqim’. Dan meta l-UE anki qed iddum biex tirċievi l-vaċċini tal-Pfizer-BioNTech u meta għandha ‘ftehim aktar komprensiv’ ma dan il-produttur li jinvolvi kumpaniji mill-Istati Uniti u l-Ġermanja.

Fi żviluppi oħra, il-grupp tax-xjenzati mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jrid jinvestiga l-oriġini tal-Covid-19 fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan għadu kemm temm il-perjodu ta’ kwarantina. Ix-xjenzati, issa, iridu jibdew jintervistaw lin-nies li għandhom x’jaqsmu mal-istituti għar-riċerka, l-isptarijiet u s-suq tal-ikel li huma marbutin mal-fażi inizjali tal-pandemija.

Madankollu, ir-riċerka għandha tibbaża bilfors fuq il-provi u informazzjoni provduti mill-uffiċjali taċ-Ċina, bl-investigazzjoni ssir possibbli biss wara xhur ta’ negozjati diffiċli bejn il-WHO u Beijing.

Il-grupp tat-tlettax-il esperti kien wasal f’Wuhan fl-14 ta’ Jannar, bil-membri tiegħu jqattgħu ġimgħatejn ta’ kwarantina li ntemmet nhar it-Tlieta. Waqt li kienu qed jinżammu iżolati, ix-xjenzati kienu involuti f’diversi video-calls ma’ xulxin kif ukoll ma’ xjenzati Ċiniżi.

Fl-Awstralja, żewġ Stati fetħu mill-ġdid il-fruntieri ma’ New South Wales wara li l-awtoritajiet f’dak l-Istat irnexxielhom jikkontrollaw inċidenza tal-Covid-19 fil-belt ta’ Sydney. L-Istati ta’ South Australia u Queensland għandhom ineħħu r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar min-nhar il-Ħadd u t-Tnejn, rispettivament.

L-Istat ta’ New South Wales ikkonferma li ma kienx hemm każ wieħed ta’ infezzjoni lokali bil-Covid-19 għal dawn l-aħħar ħdax-il jum u wara l-180 każ li kienu marbutin ma’ ‘cluster’ li feġġ f’Sydney ftit qabel il-Milied. Dan il-‘cluster’ kien wassal għall-impożizzjoni ta’ ‘travel bans’ fuq ir-residenti ta’ Sydney u li kienu applikabbli għall-kumplament tal-Awstralja.