Lokali

Fl-aħħar tmien snin ta’ Gvern Laburista, Malta tegħreq fl-indiċi tal-korruzzjoni – PN

Sena wara li Robert Abela sar Prim Ministru, Malta kompliet tegħreq fl-indiċi tal-korruzzjoni u kklassifikat fl-agħar post minn meta ilu joħroġ il-kejl tat-Transparency International Corruption Index.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Therese Comodini Cachia, il-Partit Nazzjonalista qal li l-governanza ħażina tal-Partit Laburista qegħda tkompli tħalli impatt negattiv ħafna fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti u Għawdxi bil-konsegwenzi kollha li din iġġib magħha.

L-indiċi ta’ din is-sena jikkonferma li wara li l-Labour bidel lil Joseph Muscat, Robert Abela mhux biss ma rnexxilux irażżan il-korruzzjoni iżda ħadna “naħarbu niġru” fiha biex fil-fatt spiċċa ma nbidel xejn. Dan hu l-legat ta’ Gvern Laburista wara tmien snin li matulhom wettqu l-pjan tagħhom, ħatfu l-istituzzjonijiet u ħolqu impunità li wasslet għal assassinju politiku.

L-operaturi finanzjarji, l-investituri, in-negozji żgħar u medji, l-ħaddiema, il-professjonisti, l-istudenti, l-anzjani lkoll jafu li mingħajr isem tajjeb pajjiżna ma jimxix ‘il quddiem. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisħaq biex jissaħħu l-miżuri u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u fejn falla Gvern Laburista hemm bżonn li naħdmu lkoll biex Malta terġa’ tikseb l-isem li jixirqilha, u ndawru paġna ġdida għal pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li ma’ kull post li Malta titlef fl-indiċi tal-korruzzjoni, r-rwol tal-ġurnalisti jsir aktar importanti, u filwaqt li juri l-apprezzament tiegħu lejhom, isejjaħ sabiex il-Gvern jipprovdi aċċess aktar effettiv u trasparenti għall-informazzjoni.