Lokali

Ian Borg ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà politika wara l-kundanna tal-Qorti

Il-Ministru Ian Borg għażel li jaqa’ u jqum mill-Qorti, tant li qed jibqa’ jinsisti li ma jerfax responsabbiltà politika wara li kien iddikjarat li ma jitwemminx. Dan wara xhieda li ta hu stess taħt ġurament fil-Qorti.

Waqt kawża ta’ libell li persuna qrib il-Ministru kien għamel lil The Malta Independent, il-Qorti kienet ċanfret lil Ian Borg meta ddikjarat li dak li qal ma jitwemminx.

U meta skont il-Prim Ministru, il-Ministru qrib tiegħu kellu jappella ghad-decizjoni tal-Qorti, ma sar l-ebda appell, f’ammissjoni ċara anke min-naħa tiegħu għal dak li l-Qorti qalet dwaru.

Madankollu, mistoqsi minn NET News jekk hux se jerfa’ responsabbiltà politika għal dak li l-Qorti qalet dwaru, Ian Borg baqa’ jinsisti li se jibqa’ għaddej. Hu mera wkoll lill-Prim Ministru meta qal li Robert Abela fl-ebda waqt ma qal li Ian Borg se jkun qed jappella, minkejja li l-verità hi mod ieħor.

Iżda fil-verità, f’Diċembru li għadda, Abela kien qal li, bħala terza persuna, kellu 20 ġurnata biex jappella minn dik id-deċiżjoni u l-Qorti tal-Appel setgħet tasal għal konklużjonijiet differenti.

Minflok kompla jwieġeb il-mistoqsijiet, Ian Borg infexx jattakka lil NET Television u anke jiddefendi lill-eks Ministru Konrad Mizzi. Fil-fatt, hu faħħar l-impenn ta’ Mizzi fil-proġett tal-Power Station tal-gass li kien ikkundannat mill-Awditur Generali u li qed jiswa lil pajjiżna mijiet ta’ eluf ta’ ewro kuljum.