Lokali

Il-Gvern ikompli jwaqqa’ isem Malta fl-Indiċi tal-Korruzzjoni

Konferma oħra li l-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli nieżel ‘l isfel fl-Indiċi tal-Korruzzjoni. Dan wara li fl-indiċi globali dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni ippublikat minn Transparency International, u li jitkejjel minn zero sa mija, il-Gvern Malti kiseb biss 53 punt – tnaqqis mir-rapport maħruġ fl-2020, 7 punti anqas mill-2015 u l-agħar riżultat li kiseb il-Gvern Malti minn kemm ilu joħroġ dan ir-rapport.

Fil-pubblikazzjoni ħareġ fid-deher kif sfortunatament t-tmexxija tal-pajjiż poġġiet lil Malta fost 22 pajjiż li r-riżultati taghhom marru għall-agħar b’mod sinifikanti.

Ir-rapport iddeskriva s-sitwazzjoni tal-korruzzjoni fil-pajjiż bħala waħda li tinsab taħt il-lenti, biċ-ċifri juru li l-Gvern wera nuqqas sostanzjali fejn tidhol is-Saltna tad-Dritt.

Transparency International sostniet li l-Gvern Malti huwa mitluf fil-korruzzjoni, tiddeskrivi l-pajjiż bħala wieħed f’salib it-toroq fuq l-identità nazzjonali tiegħu.

Ir-rapport jisħaq b’mod allarmanti u b’diskors mill-aħrax li l-Gżejjer Maltin iridu jkunu parti mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jirrispettaw il-valuri ċentrali tal-Unjoni.

Inevitabbilment, jissemma’ kif l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-allegazzjonijiet li dan l-omiċidju huwa marbut ma’ intriċċi politiċi fil-kuriduri ta’ Kastilja – dan waqqa’ l-maskra vera f’dak li għandu x’jaqsam mal-prijoritajiet u r-responsabbilità tal-Gvern Laburista lejn iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Ir-rapport ikompli jgħid li minkejja kien hemm indikazzjonijiet ta’ riformi ġudizzjarji, dawn ġew deskritti bħala superfiċjali u mhux biżżejjed – implimentati biss biex jissodisfaw it-talbiet tal-Kummissjoni Venezja.

Dan filwaqt li l-ekonomija tal-pajjiż ġiet deskritta bħala waħda li tistrieħ fuq il-korruzzjoni – bis-sistema tal-bejgħ tal-passaporti li dahhal il-Gvern Laburista toffri tieqa biex wieħed isir ċittadin tal-Unjoni Ewropea.

Fost 180 pajjiż, il-Gvern Malti kiseb riżultati agħar minn pajjiżi bħal iRwanda, Qatar, l-Istati Uniti, u Hong Kong – izda aħjar mill-Kroazja u Grecja.