Lokali

Il-PN jilmenta ma’ TVM fuq nuqqas ta’ imparzjalita’ u żbilanċ fil-programm Insights

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech ressaq ilment lil TVM u l-Awtorita’ tax-Xandir fir-rigward tal-intervista li saret lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-programm Insights fejn il-mistoqsijiet u l-aġir tal-preżentatur tal-programm kienu kjarament imnebbħa u bbażati fuq in-narrativa politika partiġġjana tal-Gvern u l-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista jqis li l-istazzjon nazzjonali mexa b’mod diskriminatorju u bi preġudizzju kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni u dan joħroġ ċar meta wieħed iqabbel l-intervista li saret lil Bernard Grech ma’ dik li saret lill-Prim Ministru Robert Abela fl-edizzjoni tal-istess programm li xxandret il-Ġimgħa 15 ta’ Jannar.

Huwa ċar ukoll li bil-mod kif saru l-intervisti, l-istazzjon nazzjonali kiser l-obbligu li jippreżenta suġġetti għad-diskussjoni b’mod oġġettiv u li l-preżentatur jipprovdi informazzjoni preċiża. Dan meta l-preżentatur silet stejjer partiġġjani u fattwalment skorretti mxandra mill-midja tal-Partit Laburista, għamilhom fatt u staqsa dwarhom daqslikieku dawn kienu fatti.

L-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda diffikulta’ li l-ġurnalisti jistaqsu nkluż mistoqsijiet diffiċli, imma huwa ċar li l-preżentatur mexa b’ingwanta tal-ħarir meta intervista lill-Prim Ministru u b’ponn tal-ħadid mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Għalhekk TVM ħoloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalita’ u żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista.