Internazzjonali

Ir-Russja: Navalny jikkundanna l-arrest ‘illegali’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fir-Russja, Alexei Navalny, ikkundanna s-sitwazzjoni tal-arrest li jinsab fiha bħala ‘sfaċċatament illegali’. Dan waqt proċess li nstama’ permezz ta’ video-link u fejn imħallef ċaħad l-appell ta’ Navalny biex l-arrest tiegħu — validu għal 30 jum — tiġi annullata.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ilu taħt arrest mis-17 ta’ Jannar, meta hu kien mar lura Moska mill-Ġermanja, fejn għall-aħħar xhur kien qed jirkupra mill-effetti ta’ attakk b’kimika ( nerve agent) li seħħ f’Awwissu u li kważi swielu fatali. L-arrest tiegħu kien dovut għall-fatt li Navalny ‘ma rrispettax il-kundizzjonijiet ta’ sentenza ta’ ħabs sospiża fir-Russja’.

Sadanittant, Navalny għadu jinsisti li s-sitwazzjoni tiegħu hi dovuta għal ksur tal-liġi ‘sfaċċat’ — bil-pulizija, issa, anki tarresta xi persuni (inklużi avukat) li huma kollaboraturi kbar tal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-aħħar arresti huma konnessi ma’ allegati abbużi tad-dimostranti favur Navalny u li, fi tmiem il-ġimgħa, ħadu sehem f’dimostrazzjonijiet kbar madwar ir-Russja.

Alexei Navalny qed jilmenta wkoll b’li ma tħalliex ikellem lill-avukati tiegħu fil-privat minn dakinar tal-arrest. Hu, fl-istess ħin, qed jakkuża lill-President tar-Russja Vladimir Putin b’li ‘qed imexxi Gvern (f’Moska) mimli bil-briganti u l-ħallelin’.