Futbol Sport

Jittellgħu l-poloz tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Euro 2023 ta’ taħt il-21 sena

(Ritratt: MFA)

F’Nyon fl-Iżvizzera ttellgħu l-poloz tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Euro 2023 fejn Malta se tkun qed tilgħab fi Grupp Ċ flimkien ma’: Spanja, Russja, Slovakkja, Irlanda ta’ Fuq u Litwanja.

Għal din il-fażi Malta se tkun immexxija mill-kowċ Gilbert Agius li fl-aħħar jiem ħa post Silvio Vella bħala kowċ tat-tim Malti ta’ taħt il-21 sena.

Malta telgħat fi Grupp diffiċli fejn bla dubju l-itqal avversarju se jkunu Spanja li telgħu minn Pot 1 kif ukoll ir-Russja li telgħu minn Pot 2, bit-tim nazzjonali Malti ukoll se jilgħab kontra r-Russja fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2022.

L-avversarji l-oħra minkejja li huma ta’ livell għoli t-tim Malti jista’ jittama li jirbaħ xi punti hekk kif għamel kontra l-Irlanda ta’ Fuq fl-aħħar edizzjoni tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni.