Lokali

“Mhux minnu dak li qed tgħid l-MUMN fuq l-ispiżjara” – UĦM-Voice of the Wokers

"Ħafna spiżjara ma ħadux ġurnata ta’ mistrieħ għal diversi xhur"

“Spiżjara fi sptarijiet tal-Gvern qed jagħtu sehmhom fil-preparazzjoni tal-vaċċin Covid19 u mhux kif allega l-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace f’intervista mal-MaltaToday.”

Sostniet dan il-UĦM Voice of the Workers fejn filwaqt li kkwotat lil Paul Pace jgħid, “l-ispiżjara iddeċidew li ma jippreparawx il-vaċċin, u għalhekk dan ix-xogħol waqa’ fuq l-infermiera”, l-unjin saħqet li jirriżultalha li l-ispiżjara qed jippreparaw il-vaċċin biex ikun jista’ jiġi amministrat u
jinnotifikaw lill-Awtorità tal-Mediċini f’każ li dan jikkawża xi sintomi mhux mixtieqa.

Madankollu, kompliet tgħid li dan qed isir fil-limiti tar-riżorsi disponibbli fl-isfond tan-numru limitat ta’ spiżjara fis-servizzi tas-saħħa tal-gvern.

“Dawn id-dmirijiet huma lil hinn mid-dmirijiet normali tagħhom. Ħafna spiżjara ma ħadux ġurnata ta’ mistrieħ għal diversi xhur biex jiżguraw it-tħaddim bla xkiel tad-diversi servizzi farmaċewtiċi offruti mill-gvern.”

Il-UĦM insistiet li n-numru limitat ta’ spiżjara li jaħdmu mal-gvern ma jistax titqabbel maleluf ta’ infermiera impjegati mal-Istat. Minkejja dan, l-ispiżjara tal-gvern huma dedikati biex jagħtu prijorità u jiffukaw fuq ħidma relatata mat-tilqim Covid-19 filwaqt li għadhom jipprovdu s-servizzi
farmaċewtiċi l-oħra kollha.

Il-UĦM Voice of the Workers innotat ukoll li l-mediċini u l-vaċċini ma jsibux ruħhom fuq lixkafef b’kumbinazzjoni.