Internazzjonali

Polonja: Infurzata projbizzjoni ‘kważi totali’ għall-abort

Fil-Polonja, daħlet fis-seħħ il-projbizzjoni kważi totali għall-abort u li qed tiġġenera mhux ftit tal-kontroversja fost il-Pollakki infushom u anki ‘il hinn mill-pajjiż.

L-infurzar tal-liġi sar effettiv minn dalgħodu u issa l-abort (fil-Polonja) hu permess biss f’każi ta’ stupru jew f’sitwazzjonijiet li jinvolvu relazzjonijiet bejn membri tal-istess familja. Każ ieħor ‘validu’ għall-abort hi sitwazzjoni fejn l-omm tkun f’periklu li titlef ħajjitha waqt il-fażi tat-tqala.

Id-digriet tal-qorti li jippermetti għal din il-projbizzjoni wassal għall-protesti kbar fil-Polonja meta kien ikkonfermat f’Ottubru li għadda.

Il-maġġoranza tal-Pollakki huma kontra l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni daqstant riġida u fl-aħħar sigħat ukoll saru d-dimostrazzjonijiet kontra l-miżura fil-kapitali Varsavja u bliet oħra tal-pajjiż. In-nies li ħarġu fit-toroq biex jesprimu l-għadab għamlu dan bi sfida għar-restrizzjonijiet relatati mal-coronavirus.

Sadanittant, l-attivisti qed isejħu biex, fil-jiem li jmiss, isiru wkoll il-protesti kbar fl-inħawi ta’Varsavja, fost ir-rabja tan-nies li qed jiddefendu ‘id-dritt għall-abort’.

Id-digriet li l-Qorti Kostituzzjonali kienet għaddiet f’Ottubru żvela li liġi tal-1993 li permettiet għall-abort f’każi fejn il-proċess tat-twelid ikun karatterizzat minn abnormalitajiet severi u irriversibbli ma kenitx konformi mal-Kostituzzjoni.

Il-qorti ġustifikat il-verdett fuq il-bażi li ‘it-tarbija li għadha ma twelditx xorta għandha titqies f’termini umani u għaldaqstant hi denja ta’ protezzjoni taħt il-Kostituzzjoni tal-Polonja li trid taċċerta d-dritt għall-ħajja.’

Sadanittant, il-Gvern konservattiv tal-Polonja – li għandu r-rabtiet sodi mal-Knisja Kattolika – qed jappoġġja dan id-digriet.