Lokali Qorti

Tliet xhur ħabs fuq traffikar ta’ ecstacy lesta għal party li sar fil-ħabs antik

Jean-Marc Dalli ta’ 26 sena minn Marsaskala ġie kundannat tliet xhur ħabs wara li nstab ħati talli fil-lejl ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru tal-2013 ittraffika d-droga ecstacy ftit qabel kien se jibda party li sar fil-ħabs antik f’Kordin Raħal Ġdid.

Dalli nstab ħati mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li kien fil-pusses ta’ din id-droga iżda ma nstabx ħati li ttraffika d-droga fil-jiem u x-xhur ta’ qabel il-party li kien sar fit-tieni ġimgħa ta’ Settembru. Mill-provi rriżulta li l-ammont ta’ pilloli li kellu ż-żagħżugħ kien ta’ sitta.

Is-Surġent Chris Baldacchino xehed fil-Qorti illi fit-8 ta’ Settembru 2013, huwa kien qiegħed xogħol ġewwa Raħal Ġdid peress li kien hemm party. Flimkien ma’ Pulizija ieħor kien qiegħed fejn bdew jipparkjaw il-vannijiet tat-trasport.

Ħin minnhom, osservaw lil Jean Marc Dalli, joħroġ borża u jgħaddi xi ħaġa lil ċertu Dwight Falzon. X’ħin raw dan, huma marru fuqhom u hekk kif kienu qegħdin javviċinawh, għadda borża lil tfajla, ċerta Gabrielle Tonna.

Ix-xhud għamel tfittxija fuq l-imputat, li rriżultat fin-negattiv għal sustanzi jew oġġetti llegali. It-tliet persuni msemmija ġew arrestati sabiex isiru investigazzjonijiet ulterjuri. Iżjed tard, fuq domanda tal-Prosekuzzjoni, ix-xhud jgħid illi mhux ċert mid-data ta’ Settembru 2013, iżda żgur li kienet is-sena 2013.

Jgħid illi kien hu li daħħal ir-rapport dwar dan il-każ fil-Kwartieri tal-Pulizija. Irriżulta li t-tfittxijiet kienu qegħdin isiru fuq persuni li kienu ser jidhlu għall-party fill-Ħabs l-Antik, li jfisser għalhekk illi dawn it-tfittxijiet ma kinux qed isiru fil-party, iżda barra l-lok tal-istess party.

Fil-fatt dan ir-rapport ikompli jgħid illi għal-ħabta ta’ 8.00pm l-Pulizija msemmija osservaw grupp ta’ zaghzagħ li kienu għadom kif waslu u minn hemm saru l-arresti.

Il-Qorti qalet li fir-rigward tal-piena qieset l-età tenera tal-imputat fiż-żmien tal-każ, il-fatt li l-fedina penali tal-tiegħu fl-istess żmien kienet waħda netta, u li Dalli ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija waqt l-investigazzjoni tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti qalet li wara li sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih, iżda limitatament għal-lejl ta’ bejn it-8 u 9 ta’ Settembru tal-2013 u mhux għall-jiem u x-xhur ta’ qabel din id-data.

Għaldaqstant ikkundannatu għall-piena ta’ tliet xhur priġunerija effettiva u multa ta’ €650 u li jekk il-ħati jonqos milli jħallas pagament wieħed il-bilanċ jiġi dovut minnufih u jiġi konvertit fi priġunerija skont il-liġi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef.