Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li ħaraq għadd ta’ vetturi fil-Belt jgħid li kien Ħal-Lija

Żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Belt li qed jiġi mixli li bejn April  u Settembru tal-2019  ħaraq diversi vetturi fil-kapitali qed jgħid li għandu l-provi li fid-9 ta’ Awwissu, jum li fih qed jiġi mixli li ħaraq karozza, huwa kien ma’ xi membri tal-familja tiegħu u xi ħbieb fil-lokalità ta’ Ħal-Lija.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, Bentley Pace permezz tal-Avukat tiegħu David Gatt, ippreżenta erba’ tiratti meħudin minn mobile li fil-ġurnata tat-9 ta’ Awwissu, bejn it-8.30pm u l-10.30pm. huwa kien maz-zija tiegħu, kuġintu u ħbieb fil-każin Laburista ta’ Ħal Lija.

Il-Qorti fid-dawl ta’ dawn kollu ħatret lill-espert Martin Bajada biex jagħmel evalwazzjoni tal-mobile tal-akkużat biex ikun identifikat fejn huwa kien qiegħed dak inhar.  

Il-Pulizija ħabbret li l-arrest seħħ wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet intensivi mit-Taqsima tal-Ħruq fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien mad-Distrett tal-Belt, b’rabta ma’ każijiet ta’ vetturi li allegatament ingħataw in-nar

Bejn Lulju u Settembru li għadda fil-Belt Valletta ngħataw in-nar tliet vetturi, bil-konsegwenza li erba’ vetturi oħra li kienu pparkjati ħdejhom ġarrbu ħsarat. L-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex l-istess żagħżugħ ġie identifikat li f’April illi għadda, u li allegatament ħaraq ukoll bieb ta’ residenza privata, fil-Belt ukoll.

Pace li jaħdem bħala store keeper qed jiġi mixli li waħda mill-mill-vetturi li huwa ħaraq fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru li għadda u li kienet fil-parkeġġ magħruf bħala ‘Four Winds’ hija tas-Sindku tal-Belt Alfred Zammit. 

Kemm iz-zija u l-kuġina tal-akkużat ikkonfermaw li set ta’ ritratti meħuda kien tad-9 ta’ Awwissu f’Ħal Lija. Aktar minn hekk zitu kkonfermat li wara li bdiet il-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu, in-neputi tagħha kemm il-darba raqad għandha d-dar f’Santa Luċia, li huwa viċin tal-post tax-xogħol tiegħu.  

Qalet li kienet hi li twasslu għax-xogħol u anke għand ommu fil-Belt, minħabba li ma kellux karozza, u li ma kienx idum barra minħabba li jkun irid iqum kmieni għax-xogħol.

Xehed is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit li qal li lest li jaħfer lil Pace, persuna li jafu sew u li ġej minn familja tajba. Hawn l-Avukat David Gatt qal lis-Sindku, li m’għandu xejn x’jaħfer lil Pace, għax mhux hu kien li ta n-nar lill-karozzi. Zammit qal li kien hu li ċempel lit-taqsima tat-tifi tan-nar meta ra l-karozza tiegħu taqbad.

Resident ieħor mill-Belt qal li huwa pparkja l-karozza tiegħu Smart ħdejn il-karozza tas-Sindku, u li kellu juża tal-linja minħabba li l-karozza tiegħu spiċat ‘total loss’.

Mara qalet li kienet fil-kċina meta semgħet ħsejjes bħal meta tkun nieżla x-xita. Hija ħarset barra għal fuq il-parkeġġ fejn il-House of the Four Winds. Il-mara qalet li hi wkoll spiċċat bla karozza.

Resident ieħor li għandu scooter, li kien ukoll fil-mira tal-ħruq fis-27 ta’ Lulju, qal kif dak inhar kien rieqed u qajmu ibnu, li qallu li barra d-dar hemm xi nirien. Qal li kull ma ra kien ballun tan-nar.

Sid ta’ karozza Citroen C3, li ħadet in-nar fid-9 ta’ Awwissu, meta l-akkużat qed jgħid li kien Ħal Lija qal li l-karozza tiegħu kienet ipparkjata fi Triq il-Lvant , fejn kien ċempillu ġar tiegħu.

Tenna li dak inhar kien Ħal-Lija u mar jiġri l-Belt u hemm ra lil tat-Tifi tan-Nar jippruvaw jikkontrallaw l-istraġi. Il-każ ikompli f’Marzu. L-Ispetturi Saviour Baldacchino and Priscilla Caruana Lee qed imexxu l-Prosekuzzjoni.