Lokali

Anke Michael Falzon jipprova jinjora ċertifikat iswed ieħor li qala’ l-Gvern

Gvern li qed jibqa’ jagħlaq għajnejh għar-realtajiet li qed joħloq hu stess.

Wara li l-Ħamis, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-Aġenzija Globali Transparency International qed tkun bully, issa kien imiss lill-Ministru Michael Falzon biex jipprova jxejjen dak li qalet din l-Aġenzija.

Dan wara li Trasparency International ippubblikat rapport illi juri kif il-Gvern immexxi minn Robert Abela ġab l-agħar riżultat li qatt kiseb Gvern Malti fejn tidħol il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Staqsejna lill-Ministru Falzon dwar dan iċ-ċertifikat iswed fuq l-operat tal-Gvern, iżda l-Ministru l-ewwel għamel ta’ bir-ruħu li ma fehemx il-mistoqsijiet u mbagħad qal li dak li qalu Transparency International mhux ta’ min jinkwieta fuqu.

Ir-rapport tal-aġenzija internazzjonali juri kif il-Gvern immexxi minn Robert Abela mhux talli ma għamel assolutament l-ebda avvanzi f’dik li hi korruzzjoni f’pajjiżna mis-sitwazzjoni kif ħallieha Joseph Muscat, talli saħansitra kiseb riżultati agħar minn dawk tas-snin  l-imgħoddija.

Minkejja din l-aħħar ċamata li rċieva l-Gvern ta’ Abela fuq il-mod kif qed imexxi lil pajjizna, il-Ministri tal-Gvern mhumiex imħassbin, jew qed jagħmluha ta’ bir-ruħhom li mhux inkwetati bil-mod kif qed ikomplu jgħarrqu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna mad-dinja.