Internazzjonali

Covid-19: Il-provvisti tal-vaċċini jibqgħu issue jaħraq bejn l-UE u AstraZeneca

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ippubblikat versjoni tal-kuntratt tagħha mal-AstraZeneca li titratta l-produzzjoni u distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-Covid-19 . Dan meta fl-aħħar jiem żbruffat tilwima taħraq dwar sitwazzjoni relatata mal-provvisti tal-vaċċin tal-AstraZeneca lill-Istati Ewropej.

Intant, din il-versjoni ma ħarġitx ‘bid-dettalji sħaħ tal-kuntratt’, meta l-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qed iżżid il-pressjoni fuq l-AstraZeneca minħabba d-deċiżjoni tal-kumpanija biex tnaqqas il-provvisti tat-tilqima lill-UE.

Ursula von der Leyen qed tinsisti li l-kuntratt, li kien iffirmat f’Awwissu, fih ‘numru ta’ elementi li jorbtu lill-kumpanija biex tirrispetta l-obbligi  tagħha ( għall-proviżjoni tat-tilqim stipulata)’ filwaqt li qed titlob ukoll ‘spjegazzjoni’.

Intant, l-Unjoni Ewropea qed tkun akkużata li ‘żammet lura aktar milli suppost’ biex tiffirma l-kuntratt mal-AstraZeneca – u meta dan il-vaċċin, issa, mistenni li jkun approvat mir-regolatur tal-mediċina tal-UE, ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’.

Fl-istess ħin, l-AstraZeneca – kumpanija Anglo-Żvediża – għadha qed tinsisti li d-dawmien fil-produzzjoni tal-vaċċin inkwistjoni hu dovut għall-problemi attwali f’żewġ faċilitajiet tal-kumpanija, fl-Ewropa.

Il-kumpanija qed tirreferi wkoll għal klawsola fil-kuntratt mal-UE li tagħmilha ċara li l-AstraZeneca hi marbuta biex tagħmel ‘l-akbar sforz’ biex tilqa’ id-domanda mill-Unjoni, iżda mingħajr ma tkun marbuta 100-fil-100 li żżomm ma’ xi data jew deadline speċifiku.

Madankollu, l-Unjoni Ewropea qed tikkuntesta din il-klawsola – avolja, bħalissa, l-Unjoni qed tkun ikkritikata ħafna għal sitwazzjoni fejn id-distribuzzjoni tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 miexi bil-mod wisq f’numru ta’ pajjiżi membri.

Intant, Ursula von der Leyen enfasizzat li l-AstraZeneca ‘mhix qed tippreżenta spjegazzjoni kredibbli’ għall-fatt li l-kumpanija ma providietx lill-UE bl-ammonti tat-tilqim li kienu mwiegħda minn qabel.

Ikkummenta