Internazzjonali

Covid-19: Vaċċin ġdid – Novavax – għandu effettività ta’ 89.3 fil-mija, skont l-istudji fir-Renju Unit

Vaċċin ġdid tal-coronavirus qed juri li għandu effettività ta’ 89.3 fil-mija wara sensiela ta’ provi fuq skala kbira li saru fir-Renju Unit.

It-tilqima tan-Novavax hi l-ewwel li uriet ( permezz tal-provi) li hi effettiva kontra l-varjant ġdid tal-virus li nstab fir-Renju Unit – bil-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, jilqa’ din l-aħbar b’sodisfazzjon kbir.

Intant, ir-regolatur tal-mediċina fir-Renju Unit, bħalissa, qed jevalwa l-vaċċin inkwistjoni qabel l-approvazzjoni finali.

Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, sadanittant, sostna li l-vaċċin ġdid ‘hu arma oħra, flimkien ma’ vaċċini effettivi oħrajn, għal kontra l-virus terribbli’ u qed jistenna li t-tilqima tan-Novavax tkun approvata mill-aktar fis possibbli.

Ladarba tingħata l-approvazzjoni tal-Medicines and Healthcare Products Regulatory Agency (MHRA), id-dożi ta’ dan il-vaċċin mistennija jibdew jingħataw lill-pubbliku wara Ġunju.

Dan meta r-Renju Unit – li hu fost l-aktar pajjiżi avvanzati fejn jidħlu programmi tat-tilqim kontra l-Covid-19 – aċċerta minn talanqas 60 miljun doża tal-vaċċin tal-Novavax, li l-produzzjoni tiegħu se ssir fi Stockton-on-Tees, fil-grigal tal-Ingilterra.

Ir-Renju Unit, sallum, approva tliet vaċċini tal-coronavirus għal użu ta’ emerġenza. Dawn huma t-tilqima tal-AstraZeneca bil-kollaborazzjoni tal-Università ta’ Oxford; it-tilqima tal-Pfizer-BioNTech u t-tilqima tal-kumpanija Amerikana Moderna.

L-effettività tat-tilqima tan-Novavax ( li tingħata f’żewġ dożi) kienet indikata waqt il-‘Fażi 3’ tal-provi kliniċi fir-Renju Unit. L-effettività tagħha hi indikata mad-89.3 fil-mija f’termini ta’ reżistenza kontra l-infezzjoni, waqt li l-livell tal-effettività ( protezzjoni) kontra l-varjant ġdid tal-virus hu indikat mas-86 fil-mija.

Min-naħa tiegħu, Stam Erck, il-Kap Eżekuttiv tan-Novavax, qal li r-riżultati tal-provi fir-Renju Unit kienu ‘spettakolari’ u ‘aħjar milli (huma) kienu qed jistennew’.

Sadanittant, il-fażi tal-provi għal din it-tilqima li saret fl-Afrika t’Isfel (fejn il-maġġoranza tal-każi kienu jinvolvu l-varjant ‘Afrikan’ tal-virus) uriet li l-vaċċin kellu effettività ta’ 60 fil-mija fost in-nies li mhumiex infettati bil-virus tal-HIV.