Il-Bord ta’ Inkjesta li għandu l-għan li jistabilixxi jekk l-istat għamlix li seta’ biex ma tinqatilx il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jistieden lil kull min għandu xi nformazzjoni li tista’ tkun util biex jgħaddiha lilu.
Sadanittant il-Bord immexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u mill-Imħallef Abigail Lofaro laqa’ rikors ippreżentat mill-għaqda Repubblika biex tipparteċipa fl-inkjesta.
L-aħħar li ltaqa’ l-Bord kien fl-14 ta’ Diċembru li għadda wara aktar minn sena tisma x-xhieda, bl-aħħar xhud jkun Keith Schembri. L-Avukat Therese Comodini Cachia li flimkien mal-Avukat Jason Azzopardi qed tidher għall-familja Caruana Galizia ppreżentat d-dokumenti dwar ix-xiehda ta’ Paul Apap Bologna u Mark Gasan. Hija qalet wkoll li qed tiġbor informazzjoni mir-rapporti tal-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali (NAO), li wkoll għandha tippreżentahom.
Il-Bord staqsa dwar ‘data’ li tikkonċerna lil Yorgen Fenech, bl-Avukat Comodini Cachia tgħid li dan jista’ jsir imma bil-magħluq. Wara l-għaqda Repubblika ppreżentat rapport fuq l-Inkjesta Pubblika dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn saru ukoll sottomissjonijiet mill-Avukat Robert Aquilina f’isem l-istess għaqda.
Fost affarijiet oħra l-Avukat Aquilina qal li l-NGO Repubblika twaqqfet b’konsegwenza tal-qtil tal-ġurnalista u għalhekk ħassew li hu opportun li jippreżentaw dawn is-sottomissjonijiet f’din l-inkjesta pubblika.
Dwar kemm baqa’ nies jixhdu, l-Avukat Comodini Cachia qalet li baqa’ biss madwar erba’ biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom. Sadanittant il-Bord qal li l-inkjesta pubblika se tkompli nhar it-Tnejn 8 ta’ Frar fis-2.00pm bix-xhieda tan-Nutar Mark Sammut.
Il-Bord informa wkoll lil dawk preżenti li xi partijiet mix-xhieda li għad baqa’ jistgħu jintemgħu bil-magħluq. L-avukat tal-Istat Chris Soler qal li l-Istat talab biex ikun ammess bħala parti imma m’għandu aċċess għal xejn. Il-bord rrisponda billi qallu li jista’ jagħmel is-sottomissjonijiet bħal ma għamlet Repubblika. Is-seduta kompliet mil-magħluq.
//= $special ?>