L-aħbar mill-Kamra tal-SMEs li iktar minn żewġ terzi tan-negozji Maltin u Għawdxin jemmnu li se jkollhom jagħlqu jew ifallu sal-aħħar ta’ din is-sena hija aħbar inkwetanti ferm. Il-Partit Nazzjonalista qed idur fuq il-Gvern u jesiġi li jinża mill-arroganza tiegħu, u jibda jagħti widen u każ bis-serjeta’ tat-theddida eżistenzjali li għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi f’pajjiżna se jintilfu.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal illi mhuwiex biss dispost, imma jrid li mill-iktar fis jieħu sehem f’diskussjonijiet li l-Gvern għandu jsejjaħ immedjatament mal-imsieħba soċjali kollha sabiex jinstabu soluzzjonijiet bis-serjeta’ għal dan kollu.
Dan hu l-appell li sar mid-deputati Jazon Azzopardi u Edwin Vassallo, mill-President Forum SMEs Partit Nazzjonalista Julian Galea u mill-President tal-SĦPN Ivan Castillo.
Il-PN qal illi dak hu li jiġri meta għall-aħħar seba’ snin il-Gvern Laburista straħ fuq il-bejgħ tal-passaporti biss biex ikabbar l-ekonomija, mingħajr ma ħoloq niċċa waħda li hi waħda ekonomika, sostenibbli u long term gdida, kif kien ghamel il-Partit Nazzjonalista meta ġab lejn Malta l-industriji tal-gaming, il-farmaċewtika u manutenzjoni tal-ajruplani li ġġeneraw eluf ta’ impjiegi u għadhom sal-lum jikkontribwixxu għall-ħolqien tax-xogħol.
Dak hu li jiġri meta l-Gvern fl-aħħar seba’ snin kattar il-mentalita’ li l-korruzzjoni m’għandhiex prezz u li kollox jgħaddi. Dak hu li jiġri meta l-Gvern fl-aħħar seba’ snin qatt ma ħaseb għall-maltemp.
Il-Partit Nazzjonalista lest u jrid iwieġeb għal din il-karba li l-intrapriża u n-negozji Maltin qegħdin jagħmlu lill-Gvern. Għalhekk, il-PN jdur fuq Robert Abela u jgħidlu, tibqax tkun supperv u arroganti. Agħti każ ta’ dan kollu u ejja flimkien insibu soluzzjonijiet għall-ġid ta’ pajjiżna.
//= $special ?>