Lokali

Bernard Grech isellem il-memorja ta’ Joseph Micallef Stafrace

L-IĠM imnikket bil-mewt ta’ Joe Micallef Stafrace

Il-Kap tal-PN Bernard Grech sellem il-memorja tal-eks Ministru Joseph Micallef Stafrace, illi miet kmieni dalgħodu.

Bernard Grech stqarr li l-eks Ministru ta kontribut kbir fil-politika lokali.

Hu sellem lil Micallef Stafrace għall-kontribut ukoll fid-dinja tal-ġurnaliżmu, l-edukazzjoni u permezz tal-professjoni legali tiegħu.

Tislima mill-IĠM

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinsab imnikket bil-mewt tal-Avukat Joseph Micallef Stafrace li apparti l-karriera politika tiegħu, jibqa’ mfakkar ukoll għas-sehem kbir u mportanti li ta fil-qasam ġurnalistiku.

Sa minn żogħżitu, Joe Micallef Stafrace wera l-ħila tiegħu fit-tħaddim tal-pinna ġurnalistika tiegħu. Hu kien editur tal-ġurnal “Is-Sebħ” u f’Awwissu tal-1958 kien weħel erbat ijiem ħabs talli fil-ġurnal kien ippubblika karikatura tal-Gvernatur Laycock.

Hu baqa’ jikteb fil-ġurnali sa aktar kmieni dan ix-xahar. Il-kitba tiegħu kienet imfittxija minn ħafna għax għalkemm kellu l-ideat tiegħu, kienet kitba bilanċjata u qatt ma kiteb biex iweġġa’ lil xi ħadd.

Dr Micallef Stafrace għadda ħafna pariri siewja lill-ġurnalisti ta’ żmienu u ta’ warajh. Il-kontribut tiegħu ma kienx biss bil-kitba imma wkoll fil-qasam tal-liġi tal-istampa fejn iddefenda diversi kawżi ta’ libell, għallem il-liġi tal-istampa fl-Università ta’ Malta, u kien anke Chairman tal-Awtorità tax-Xandir.

L-Avukat Micallef Stafrace li miet fl-età ta’ 87 sena serva fil-Parlament bejn l-1962 u l-1971 u għal xi xhur minnhom serva bħala Ministru għall-Agrikoltura, l-Industrja u t-Turiżmu.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin filwaqt li jsellem lil Joe Micallef Stafrace, joffri l-kondoljanzi tiegħu lil uliedu u l-familja kollha.