Internazzjonali

L-Iran: Il-miżuri nukleari se jibqgħu, mingħajr it-tneħħija tas-sanzjonijiet

It-Tmexxija Iżlamika fl-Iran mhix se taċċetta d-domandi tal-Istati Uniti biex iddawwar lura l-aħħar ‘spinta’ li tat lill-programm nukleari tagħha — dment li Washington ma jneħħix is-sanzjonijiet preżenti minn fuq Tehran.

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, qal li d-domanda tal-Amerikani ‘mhix waħda prattika’ u sostna li l-Iran ‘mhux beħsiebu jagħmel xi pass lura f’dan is-settur ( nukleari).’ Zarif kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Istanbul, li għaliha kien preżenti wkoll il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevlut Cavusoglu.

L-amministrazzjoni ġdida tal-President Amerikan, Joe Biden, qed tgħid li l-Iran irid mill-ġdid jikkoopera bis-sħiħ mal-‘kontrolli stabbiliti’ għall-attività nukleari tiegħu, u skont il-kundizzjonijiet tal-Ftehim Nukleari storiku li Tehran kien laħaq mal-potenzi tad-dinja, fl-2015.

L-Istati Uniti qed tgħid li l-Iran irid bilfors jimpenja ruħu għal dan qabel jista’ jissieħeb mill-ġdid fil-ftehim.

L-Iran, fl-aħħar xhur, abbuża diversi kriterji tal-ftehim nukleari bħala ‘tweġiba’ lill-eks President Amerikan Donald Trump, wara li hu, fl-2018, irrifjuta l-patt u reġa’ introduċa s-sanzjonijiet għall-Iranjani.