L-MUMN qed tinsisti li ma tistax tibqa’ tittolera s-sitwazzjoni preżenti fl-isptar Monte Carmeli, u għalhekk qed issejjaħ direttivi għall-infermiera fl-isptar Monter Carmeli biex jirrifjutaw li jagħtu għajnuna lill-immigranti irregolari li jkunu qed jabbużaw mis-sistema, u jagħmlu użu mill-isptar biex jieħdu biss is-sodod tal-istess sptar.
Dwar din is-sitwazzjoni NET NEWS tkellem ma’ Paul Pace, il-President tal-MUMN, illi qalilna li f’waqtiet is-sitwazzjoni tant qed tkun gravi li jkun hemm bżonn l-intervent tal-pulizija.
L-MUMN min-naħa tagħha qalet li tieħu l-opportunità biex tistieden lill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali, il-Ministru tas-Saħħa u l-Ministru tal-Intern biex iżuru u jaraw b’għajnejhom l-istat ta’ dan l-isptar.
Intant fl-aħħar jiem, il-Fondazzjoni Richmond spjegat kif it-telefonati għall-għajnuna minhabba problemi ta’ saħħa mentali żdiedu b’erba’ darbiet fi żmien il-pandemija. Matul is-sena li għaddiet, id-domanda għal servizzi ta’ terapija żdiedu b’madwar 500 sessjoni, waqt li t-telefonati fuq il-linja ta’ għajnuna 1770 żdiedu b’erba’ darbiet biex laħqu total ta’ 3,600 telefonata.
Aġġornata: F’reazzjoni għall-istqarrija tal-MUMN, il-Kunsill Malti għar-Refuġjati qal li din l-istqarrija tonqos mis-sensittività hekk kif id-detenzjoni bosta drabi toħloq id-dipressjoni.
Intant, fi żvilupp importanti li seħħ aktar tard waranofsinhar, il-managment tal-isptar informa lill-MUMN li numru ta’ immigranti se jiġu rilokati għal post ieħor – pass li l-union sejjħitlu bħala konferma tal-problemi li jeżistu.
//= $special ?>