Ir-reġjun Spanjol ta’ Katalunja għandu jeleġġi lill-Parlament tiegħu fl-14 ta’ Frar – jiġifieri f’Jum San Valentinu – wara li qorti annullat il-pjan tal-Gvern reġjonali biex il-vot jitressaq għal Mejju.
Intant, l-elezzjoni hi kunsidrata bħala eżami kruċjali oħra għall-moviment separatista f’Katalunja, li tinsab fil-Grigal ta’ Spanja u li hi fost l-aktar zoni sinjuri ta’ dan il-pajjiż.
Ir-reġjun, fil-preżent, hu amministrat minn żewġ partiti li jiffavorixxu l-indipendenza ta’ Katalunja minn Spanja u li qed jidhru ras-imb-ras f’termini ta’ appoġġ.
Is-separatisti qed jittamaw li (fi Frar) jiksbu aktar minn 50 fil-mija tal-vot, iżda xi stħarriġ ta’ opinjoni qegħdin jidhru favorevoli għall-eks Ministru tas-Saħħa Soċjalista, Salvador Illa, li rriżenja mill-Gvern ta’ Madrid, biex jikkuntesta din l-elezzjoni.
Kwalunkwe Parlament ġdid f’Katalunja mistenni jkollu rappreżentanza ta’ diversi entitajiet rivali u anki f’każ ta’ rebħa għal Illa, mhux ċar jekk hu għandux jikseb biżżejjed appoġġ biex jifforma Gvern reġjonali.
//= $special ?>