Internazzjonali

Tisħon il-qiegħa bejn iċ-Ċina u t-Tajwan

Tkompli tiżdied it-tensjoni bejn iċ-Ċina u t-Tajwan hekk kif il-pajjiż ta’ Xi-Jinping ħabbar li jekk it-Tajwan b’xi mod jew ieħor jingħata l-Indipendenza, dan se jkun ifisser bidu ta’ gwerra.

Illum it-Tajwan huwa meqjus minn ħafna bħala pajjiż sovran u indipendenti, iżda f’għajnejn iċ-Ċina, it-Tajwan hija biss provinċja taċ-Ċina li qed tfittex li tkun sovrana.

Il-ġimgħa li għaddiet fit-Tajwan laħqet amministrazzjoni ġdida fit-tmexxija tal-pajjiż, tliet ijiem ilu iżda numru ta’ ajruplani militari Ċinizi daħlu fit-territorju tat-Tajwan. Għal xi ħin din is-sitwazzjoni ġabet inċertezza kbira, b’biżgħa li jista’ jseħħ attakk.

L-Istati Uniti min-naħa tagħha qed ittenni s-sapport lill-Gvern tat-Tajwan, bil-President Joe Biden ikun wieħed minn tal-ewwel li jawgura lit-tmexxija l-ġdida ta’ dan il-pajjiż.

Intant analisti qed jgħidu li ċ-Ċina qed tagħmel dan kollu biex tara sa fejn jasal l-appoġġ tal-Amerikani fil-konfront tat-Tajwan.