Coronavirus Ekonomija Lokali

“Viżjoni biex mill-aktar fis tinbena fiduċja fost in-negozji u l-ħaddiema” – Bernard Grech

“L-istħarriġ ippubblikat ilbieraħ dwar is-sentiment fost in-negozji żgħar jinkwetani, u għandu jinkwieta wkoll lil kull min japprezza l-importanza tan-negozji żgħar fl-ekonomija tagħna.” Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed jikkummenta dwar l-istudju li ġie ppubblikat miċ-Chamber tal-SMEs.

Dan l-istudju juri li żewġ terzi tan-negozji żgħar jaħsbu li mhux se jkampaw wara din is-sena.

“Il-Gvern mhuwiex qrib dan is-settur u mhux jisma’ din il-karba u huwa għalhekk li pproponejna lill-Gvern biex immedjatament jibda diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet immedjati u prattiċi.”

“Aħna nibqgħu nemmnu li n-negozji żgħar u medji, ħafna minnhom negozji tal-familja, huma s-sinsla tal-ekonomija u għalhekk nibqgħu nagħtu sehemna u nibqgħu noffru wkoll il-viżjoni tagħna biex mill-aktar fis terġa’ tinbet il-fiduċja fost dan is-settur u biex dawn ukoll ikunu jistgħu jdawru l-paġna għal futur aħjar.”