Lokali

8 persuni arrestati b’rabta mas-sejbiet tad-droga kannabis

7 rġiel u mara ġew arrestati fiż-żoni fin-nofsinhar ta’ Malta wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga u il-Pulizija tad-Distrett.

L-ewwel każ seħħ il-ġimgħa filgħodu, waqt ronda mill-Iskwadra tar-RIU u l-Pulizija ta’ Kontra d-Droga f’diversi ġonna fil-Marsa. Raġel mis-Somalja ta’ 23 sena u raġel mill-Gambja ta’ 27 sena ġew iċċirkondati u saret tfittxija fuqhom fejn rriżultaw li kienu fil-pussess ta’ 31 pakkett ħaxixa tal-kannabis, 13-il raża tal-kannabis u 20 pakkett droga sintetika.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta. Huma mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum.


It-tieni każ seħħ f’Ħaz-Zabbar il-Ħamis illi għadda, fejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar waqfu vettura BMW suspettuża fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żabbar. Saret tfittxija fuq iż-żewġ persuni li kienu fil-vettura, mara ta’ 29 sena li kienet qiegħda ssuq u ġuvni ta’ 21 sena, u instabu grinder b’sustanza suspettata kannabis u żewġ boroż b’ammont ta’ sustanza suspettata kannabis kif ukoll ponn tal-ħadid. Fuq il-ġuvni nstabu żewġ boroż b’sustanza suspettata kannabis. Wara iktar investigazzjoni u tfittxijiet, fuq il-mara rriżulta ukoll li kellha joint.

Iż-żewġ persuni ġew arrestati u ttieħdu fil-Lock-up tal-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana. Il-mara mistennija titressaq ukoll aktar tard illum.

Ir-rondi mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar komplew ilbieraħ filgħaxija u fil-parkeġġ tal-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, innutaw grupp ta’ 20 żgħażagħ, kif ukoll bdiet tinxtamm riħa suspettuża. Il-Pulizija tad-Distrett bl-assistenza tar-RIU, fittxew fuqhom fejn irriżulta li fuq erba’ ġuvintur, tliet Maltin ta’ 17, 20 u 22 sena u fuq ġuvni Sirjan ta’ 20 sena, instabet sustanza suspettata droga kannabis, grinders, miżien u pakkett tas-sigaretti b’joint.

L-investigazzjonijiet rigward din is-sejba għadhom għaddejjin.