Futbol Sport

ESKLUSSIVA: Intervistà mal-aġent Taljan Paolo Palermo

Matthew Mamo-Replay (Net Television)

Hekk kif ninsabu fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, diversi aġenti tal-plejers diġa’ qed iħarsu lejn l-istaġun li ġej u jibnu kollaborazzjonijiet ġodda ma’ klabbs lokali. Fost dawn l-aġent rinomat Taljan Paolo Palermo li ilu għall-aħar snin jaħdem mill-qrib ta’ klabbs lokali u fost oħrajn, grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ aġenti oħra, wassal biex iktar minn 20 plejer illum-il ġurnata jilgħabu f’madwar 7 skwadri lokali, bejn Malta u Għawdex.

F’intervista lil Replay (Net Television) Palermo jinnota li l-pandemija ġabet diversi restrizzjonijiet, inkluż biex jinġiebu plejers minn pajjiżi terzi bħall-Arġentina u l-Brażil, fejn Palermo jispeċjalizza. Kien għalhekk li l-enfasi issa qed iddur għall-Ewropa, b’mod speċjali fl-Italja fejn Palermo għandu esperjenza ta’ diversi snin, imma wkoll l-Olanda u l-Ungerija fejn beda ħidma ma’ plejers promittenti. Fost il-plejers li setgħu jiġu f’pajjiżna matul Jannar hemm Luca Cigliano, midfielder li għandu 22 sena u diġa lagħab kważi 80 logħba fil-Lega Pro fosthom b’esperjenzi importanti ma’ Rimini, Caserta, Bari u Ternana. Mistoqsi dwar kif qed jara l-futbol lokali bħalissa, qal li jara titjib iżda mhux bil-livell mixtieq. Waqt li jirrimarka l-investimenti importanti li qed isiru minn klabbs bħal Ħamrun Spartans u Hibernians, jinnota wkoll il-ħidma importanti li qed issir minn klabbs bħal Gżira United, kif ukoll Mosta. Għadu s’issa jaħdem mill-qrib anke ma’ Floriana F.C. fejn jirrappreżenta lil plejers bħal Diego Venancio u Matias Garcia.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-klabb bħalissa, anke fl-isfond tal-plejers li jirrappreżenta fi ħdan dan il-klabb, Palermo jinnota li l-istess plejers li lagħbu b’mod regolari ma’ Senglea Athletic u taħt it-tmexxija tal-kowċ Enzo Potenza, issa jidher li ma baqgħux fiċ-ċentru tal-proġett tal-kowċ ġdid. L-aġent Taljan jesprimi diżappunt dwar il-pożizzjoni attwali ta’ Floriana F.C. u jgħid li ma jistax jifhem din is-sitwazzjoni ta’ klabb li mill-glorja qabad it-triq tan-niżla. ‘Sfortunatament bħalissa il-klabb għaddej minn żmien diffiċli u r-riżenji tal-President Riccardo Gaucci u l-kowċ Enzo Potenza wasslu biex nies validi bħal Peter Agius tħallew waħidhom. Madankollu nittama li l-klabb jirritorna għal-livelli għolja li jixraqlu,’ jiddikjara Palermo. Trasferiment riċenti ta’ plejer ieħor ta’ Floriana F.C. u li wkoll hu rappreżentat minn Palermo hu Augusto Caseres, li ġie misluf lil Santa Luċija wara li beda l-istaġun ma’ Gudja. Hawn ukoll Palermo jinnota li dan hu plejer ieħor li seta’ jiġi ġestit ferm aħjar miċ-champions attwali tal-Kampjonat Premier. Opinjoni simili anke fil-każ ta’ Tiago Adan Fonseca, plejer ieħor li jirrappreżenta u li ġie traserit għand Hibernians F.C. matul dan is-suq tat-trasferimenti.

Matul din l-intervista, Palermo jinnota wkoll diffikultajiet li qed jaffaċċjaw klabbs oħra ewlenin, bħal Balzan u Valletta, u jgħid “li xi drabi l-futbol isir kumplikat għax nagħmluh kumplikat aħna. Il-futbol hu materja sempliċi għal min jifhem kif jaħdem.” Sadattant Replay (Net Television) jinsab infurmat li l-kollaborazzjoni ta’ Palermo ma’ klabbs lokali se tkompli fix-xhur li ġejjin. Hu kellu tifħir b’mod speċjali għall-ħidma li qed issir minn Gudja United, li fl-aħħar jiem b’kollaborazzjoni miegħu kisbu lil Vanger Conceição da Silva, kif ukoll Santa Luċija fejn jesprimi kliem ta’ tifħir għall-kowċ Oliver Spiteri.