Lokali

Ikompli t-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista

Matul il-jum tas-Sibt, qorob lejn tmiemu l-proċess ta’ tiġdid tal-Kumitati Sezzjonali, bl-elezzjoni fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara u l-Mellieħa. Jifdal biss il-votazzjoni għall-Kumitat Sezzjonali ta’ Ħal Qormi, li kienet posposta.

Matul il-jum, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista segwiet il-protokolli meħtieġa fiċ-ċirkostanza tal-pandemija.

F’kumment lil NET News, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-parteċipazzjoni tat-Tesserati, li hu ċar li qed jesprimu interess qawwi f’dan il-proċess ta’ tiġdid li għaddej minnu l-Partit.

Issa jmiss li fil-ġimgħat li ġejjin jinħatru r-Rappreżentanti Distrettwali, il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali, kif ukoll għar-Rappreżentant tal-Kunsillieri. U dawn kollha sal-Kunsill Ġenerali Amministrattiv li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed isejjaħ għal Marzu li ġej. Dan il-proċess seħħ wara li diġà ġġeddew il-Fergħat, skont kif jitlob l-Istatut tal-Partit, b’taħlita ta’ ideat u enerġija bejn dawk li ilhom jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista u dawk li qed jinvolvu ruħhom għall-ewwel darba.