Lokali Qorti

Iwieġbu mhux ħatja li ħatfu Slovakk ieħor, rabtuh ma’ siġra u sawtuh

Tliet irġiel slovakki wieġbu mhux ħatja li ħatfu raġel ieħor tal-istess nazzjonalità, li rabtuh ma’ siġra u li talbuh il-flus.

L-irġiel – Peter Tupta ta; 49 sena, Anton Triscik ta’ 47 sena u Adam Mazurkovic ta’ 22 sena – ċaħdu wkoll li wżaw il-vjolenza kontra l-allegat vittma.

Huma dehru quddiem il-Maġistrat Joe Misfuda is-Sibt waranofsinhar wara li t-tlieta li huma kienu arrestati mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Rapid Intervention. L-irġiel instabu fil-pussess ta’ oġġetti propjetà tal-vittma.

It-tliet Slovakki allegatament nhar l-Erbgħa filgħaxija ħatfu lill-allegat vittma mill-Mellieħa, daħħluh f’karozza u rabtulu idejh, biex imbagħad ħaduh f’żona bis-siġar fejn rabtuh ma’ siġra, neżżgħuh, sawtuh u hedduh b’sikkina. Wara huma ħaduh f’lukanda f’Tas Sliema fejn zammewh kontra l-volontà tiegħu. Fortunatament l-għajjat tar-raġel instema’ minn xi nies f’ħanut fil-qrib, li minn naħa tagħhom allertaw lill-Pulizija.

Il-Maġistrat Mifsud wissa’ lit-tliet irġiel li argumenti li bdew f’pajjiżi oħra m’għandhomx jitkomplew f’Malta.