Manchester City għelbu lit-tim tal-qigħ, Sheffield United, bl-iskor minimu ta’ 1-0 u li kien biżżejjed għat-tim ta’ Pep Guardiola biex jiftaħ vantaġġ ta’ tliet punti f’ras il-Premier League. Dan meta City huma segwiti mir-rivali eterni Manchester United, li tard filgħaxija kienu miżmuma fi dro, 0-0, għand Arsenal. Għalkemm is-Citizens ma kenux involuti f’xi ‘goleada’ mal-Blades, il-gowl ta’ Gabriel JESUS, wara biss disa’ minuti, kien biżżejjed biex jaċċerta t-12-il rebħa konsekuttiva għal Man City u li hu rekord għall-klabb għal kull żmien.
Il-gowl ta’ Jesus seħħ wara li l-attakkant daħal għall-cross preċiż ta’ Ferran Torres – bis-Citizens jikkontrollaw ir-riżultat għall-kumplament tal-logħba u fejn waslu viċin li jirduppjaw b’daqqa ta’ ras ta’ Bernardo Silva; bil-gowlkiper tal-Blades, Ramsdale, jiċħad lil City mill-ġdid fuq it-tentattivi ta’ Zinchenko u Laporte. Ir-riżultat ifisser ukoll li t-tim ta’ Guardiola issa ilu ma jaqla’ gowl għal ħames logħbiet konsekuttivi fil-Premier League.
Manchester United tilfu opportunità tajba biex iżommu l-pass ma’ City wara li tilfu żewġ punti importanti fid-draw ma’ Arsenal fl-Emirates Stadium.
Għalkemm ir-Red Devils kienu xi ftit aħjar mill-avversarji, id-dro kien pjuttost riżultat ġust, bil-Gunners imorru viċin minn Emile Smith Row u Nicolas Pepe, b’Alexandre Lacazette jolqot il-mimduda bi ġmiel ta’ freekick fit-tieni taqsima. Intant, United kellhom aktar mill-pussess u l-gowlkiper ta’ Arsenal, Leno, iddistingwa ruħu b’save tajjeb fuq Fred fl-ewwel taqsima – b’Edinson Cavani jmur qrib ħafna għal United fl-aħħar ħinijiet. L-ewwel tentattiv tal-Urugwen ra lil Leno jsalva fil-ħin u bl-attakkant ta’ United, wara, imattar siequ għall-kross preċiż ta’ Wan Bissaka fejn falla l-bersall bi ftit.
Newcastle United għelbu lil Everton (2-0) f’Goodison Park biex taw ftit tan-nifs lill-manager Steve Bruce. Qabel din il-logħba, il-Geordies kienu sofrew ħames telfiet konsekuttivi fil-kampjonat, iżda dawn it-tliet punti importanti għenuhom biex jiftħu ftit tad-distakk mal-aħħar tliet tims fil-klassifika.
Everton kienu aktar perikolużi tul il-logħba, iżda l-gowls importanti waslu mill-avversarji – b’Callum WILSON (73) jiżblokka r-riżultat fuq il-korner ta’ Jonjo Shelvey u bl-istess plejer jissiġġilla r-rebħa tal-Geordies bit-tieni gowl, fil-ħin miżjud.
Crystal Palace ukoll tbiegħdu min-naħat t’isfel tal-Premier League b’rebħa diffiċli. 1-0, fuq Wolverhampton Wanderers f’Selhurst Park. Il-gowl importanti wasal ftit wara l-mistrieħ meta Eberechi EZE (60) sab ir-rokna tax-xibka b’xutt bomba, bil-gowl ikun anki t-tielet wieħed għall-eks midfielder ta’ QPR f’dan l-istaġun.
Wolves marru viċin id-dro, bil-gowlkiper ta’ Palace, Guaita, isalva darbtejn fuq Willian Jose, iżda Palace kienu wkoll perikolużi, b’Wilfried Zaha jispiċċa miċħud mil-lasta wara kontra-attakk veloċi – u bir-riżultat jibqa’ l-istess sat-tisfira finali.
West Bromwich Albion u Fulham kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed minn partita missielta f’The Hawthorns li spiċċat 2-2. Kienu Fulham li ddominaw l-ewwel perjodu u meritatament daħlu jistrieħu fil-vantaġġ wara l-gowl opportunitst ta’ Bobby DECORDOVA-REID wara biss għaxar minuti.
Intant, il-Baggies wettqu reazzjoni kbira fit-tieni taqsima u dawwru r-riżultat favur tagħhom b’gowls ta’ BARTLEY (47) u COSTA PEREIRA (66) — iżda l-aħħar kelma kellha tkun tas-sostitut, Ivan CAVALEIRO (77) li sab ix-xibka bir-ras fuq il-kross ta’ Harrison Reed għat-2-2 finali.
PREMIER LEAGUE
Illum: Everton v Newcastle 0-1, C. Palace v Wolves 1-0, Man City v Sheff. Utd 1-0, WBA v Fulham 2-2, Arsenal v Man Utd 0-0, Southampton v A. Villa 0-1 Għada: Chelsea v Burnley 1.00pm, Leicester v Leeds 3.00pm, West Ham v Liverpool 5.30pm, Brighton v Tottenham 8.15pm