Qed noffru Paġna Ġdida għax irridu nagħtu l-opportunità lill-poplu tagħna nibdew kapitlu ġdid flimkien. Irridu ndawru l-paġna għall-Partit u għall-pajjiż.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt li kien mistieden fi programm ta’ diskussjoni fuq ir-Radju 103. Spjega li llum, aktar minn qatt qabel, qed tinħass il-bżonn ta’ bidla għax hemm affarijiet li hemm bżonn isiru aħjar.
U meta llum għandek Gvern li mhux jagħti kas lil dawk fil-bżonn, il-Partit Nazzjonalista qed jisma’ aktar ħalli jkun il-vuċi ta’ dawn in-nies ukoll. Hu għalhekk li l-politiku għandha jara li l-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru.
Bernard Grech qal li għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta proposti li minnhom igawdi kulħadd, b’politika li tħares fit-tul.
Dwar l-isfidi li qed iġġib magħha l-pandemija, Bernard Grech fakkar fil-ħidma propożittiva tal-Partit Nazzjonalista meta l-Gvern ta’ Robert Abela daħak bin-nies bil-messaġġi żbaljati li bagħat. Fil-fatt, tenna li l-Gvern kellu jkun onest mal-poplu.
Bħalissa l-Gvern qed imexxi b’mentalità ta’ management by crisis, fl-istess waqt li eluf ta’ anzjani għadhom maqfulin f’darhom u fir-residenzi għall-anzjani. Għal dawn, bħalissa żgur li mhux business as usual.
Dwar il-każ tal-aħħar jiem, fejn żagħżugħ weħel tliet xhur priġunerija għal każ li seħħ tmien snin ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ħela seba’ snin milli jipprova jsolvi l-isfidi li għandha s-sistema ġudizzjarja.
Dwar il-possibbiltà li t-teħid tal-kannabis għall-użu rikreattiv jista’ ma jibqax att kriminali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu importanti li nibqgħu nisimgħu partikolarment lill-professjonisti.
U dwar l-immigrazzjoni, tenna li rridu naraw li l-problema ma tibqax fuq pajjiżna biss, għalkemm wieħed ma jistax iħalli lill-persuni jmutu f’nofs l-ibħra.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ żvilupp sostenibbli. Wara l-inċident traġiku tas-sena li għaddiet, li ħalla omm mirduma taħt it-terrapien kawża ta’ xogħol li kien qed isir bieb ma’ bieb, qal li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li għandu jsir xi ħaġa. Iżda l-Gvern għażel li jibqa’ sieket.
Għax filwaqt li l-iżvilupp hu bżonnjuż, dan għandu jkun ikkontrollat. Tenna li l-istorja turina li n-nies iweġġgħu meta jkun hemm min jabbuża.
Dwar messaġġ li hemm imwaħħal mal-ħajt fil-Ħabs, Bernard Grech qal li hu oxxen il-fatt li d-Direttur tal-Faċilità Alexander Dalli ffirma nota li tqajjem il-biża’. Spjega li quddiem dan l-abbuż f’ħidmietu, ma jista’ qatt ikollu fiduċja f’persuna bħal Dalli, li għażel li jattakka lill-Pulizija u lil-Ġudikatura.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar laqgħa li kellu riċentament ma’ rappreżentanti tal-kaċċaturi, fejn qal li ħassu fid-dmir li jismagħhhom ukoll għax ladarba ma jifhimx f’dan id-delizzju, ma jistax jiddeċiedi għalihom jekk ma jismagħhomx. Dan filwaqt li appella biex min iħobb id-delizzju jsegwi l-obbligi li titlob minnu l-Liġi.
//= $special ?>