Futbol Sport

Sirens jaqilbu r-riżultat fl-aħħar għoxrin minuta

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

George Cassar

Sirens………………………………..2

Floriana……………………………1

Sirens: E. Elezaj, J. Walker, M. Bustos, A. Borg, E. Callegari, T. Agius (R. Darmanin 71’), R. Scicluna (R. Grech 68’), T. Jammeh, S. Tounkara, L. Bittaye, W. Domoraud

Floriana: A. Cassar, M. Dias, R. Camenzuli, E. Ruiz, J. Pisani, D. Venancio. B. Paiber, U. Arias (J. Busuttil 84’), J. Lombe, K. Keqi, F. Cheveresan

Skurjaw: K. Keqi – pen. 43’ (F), E. Ruiz o.g. 71’, M. Bustos 83’ (S)

Referì: P. Farrugia

Il-plejer tal-logħba: K. Keqi (F)

Sirens irkupraw gowl minn taħt u skurjaw darbtejn fl-aħħar għoxrin minuta biex taw gambetta oħra lil Floriana. Din kienet it-tielet rebħa fl-aħħar erba’ logħbiet għal Sirens filwaqt li għal Floriana din hija d-disa’ logħba bla rebħa u issa jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.

Tliet minuti qabel il-waqfa għall-mistrieħ Jeroen Lombe Lumu twaqqa’ fil-kaxxa minn Adrian Borg u r-referì Philip Farrugia saffar penalty favur Floriana. Kristian Keqi skorja b’xutt fir-rokna ta’ fuq tax-xibka biex għeleb lid-debuttant Entonjo Elezaj.

Fil-71 minuta, minn korner ta’ Ryan Grech, id-debuttant l-ieħor Ryan Darmanin, li kien ilu biss ftit sekondi fil-grawnd, xellef il-ballun lejn il-lasta, bil-ballun jaħbat ma’ Enzo Ruiz u jibqa’ dieħel fix-xibka.

Seba’ minuti qabel skorra l-ħin regolamentari Sirens irnexxielhom idawru r-riżultat favurihom meta Manuel Bustos għola bejn żewġ plejers Furjaniżi u   skorja bir-ras il-freekick mix-xellug ta’ Ryan Grech.