Lokali

Uffiċjal tal-Komunità aggredit u jispiċċa jsofri minn concussion ħafifa

Raġel jitressaq il-Qorti b'rabta ma' dan il-każ

AĠĠORNATA

Raġel ta’ 21 sena minn Bormla ingħata l-libertà proviżorja wara li wieġeb mhux ħati li aggredixxa uffiċjal tal-komunità.

Il-Maġistrat Joe Mifsud is-Sibt waranofsinhar  sema’ kif ir-raġel allegatament argumenta mal-uffiċjal, bir-riżultat li l-uffiċjal sofra xi ġrieħi ħfief.

L-akkużat ċaħad l-akkużi ta’ ksur tal-paċi pubblika, li uża lingwaġġ offensiv fil-pubbliku u li rreżista u darab lill-uffiċjal.

Għall-akkużat dehru Francesca Zarb u Franco Debono.

AKTAR KMIENI

Uffiċjal tal-Komunità spiċċa l-Isptar għall-kura wara li ġie aggredit waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

NET News jinsab infurmat li l-Uffiċjal, impjegat fi ħdan il-LESA, għall-ħabta tas-1pm tal-Ġimgħa kien għaddej fi Triq Wiġi Rosato, f’Bormla, fejn waqaf biex jagħti taħrika lil erba’ vetturi li kienu pparkjati ħażin jew mingħajr liċenzja valida.

F’dan il-ħin, żagħżugħ ta’ madwar 20 sena ħareġ minn post faċċata u allegatament hedded lill-Uffiċjal tal-Komunità biex ma jersaqx aktar ‘l hemm. Appena l-Uffiċjal spjegalu li kien qed jagħmel xogħlu, iż-żagħżugħ allegatament sabbatlu l-apparat mal-art, imbuttah, tefgħu mal-art u beda jtih bil-ponn f’rasu.

Kien grazzi għal intervent ta’ xi persuni li nzertaw kienu għaddejjin u semgħu l-karba għall-għajnuna li ż-żagħżugħ inqala’ minn fuq l-Uffiċjal u nżamm sakemm waslu l-Pulizija.

L-Uffiċjal tal-Komunità mar l-Isptar biex isirulu xi testijiet, partikolarment f’rasu. Hemm, hu kien iċċertifikat li kawża tal-aggressjoni, sofra concussion ħafifa u bħalissa jinsab taħt osservazzjoni.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

(Ritratt: mill-Arkivji)