Internazzjonali

Covid-19: L-Unjoni Ewropea ‘ma aġixxietx b’sens ta’ ostilità’ fil-kwistjoni tal-vaċċini

Il-Prim Ministru tal-Irlanda, Micheal Martin, qed jinsisti li t-theddida tal-Unjoni Ewropea biex timponi l-kontrolli mal-fruntiera Irlandiża ‘ma kenitx azzjoni ta’ ostilità’.

Dan meta fi tmiem il-ġimgħa, l-UE irtirat mill-pożizzjoni oriġinali li kkaġunat rabja kbira fir-Renju Unit u anki madwar l-Ewropa – bil-Britanniċi, issa, qed jesprimu fiduċja li l-Unjoni mhix se tostakola t-trasport tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 lejn ir-Renju Unit.

Fl-aħħar jiem spikkaw l-isforzi tal-UE biex jikkontrollaw l-esportazzjonijiet tal-vaċċini għal kontra l-virus, fost in-nuqqasijiet tal-vaċċini f’diversi pajjiżi tal-Unjoni, inklużi Franza, Spanja u l-Italja.

Intant – u wara li Brussell kellu tagħmel u-turn  fil-kwistjoni tal-vaċċini — Michael Martin għamilha ċara li ‘hemm ħafna x’wieħed jitgħallem’ mis-sitwazzjoni tal-vaċċini u l-aħħar diżgwid bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

Min-naħa tagħha, Liz Truss, is-Segretarju Internazzjonali għall-Kummerċ tar-Renju Unit, qalet li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, aċċertat lill-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, li ‘mhu se jkun hemm l-ebda ostakoli għall-kuntratti tar-Renju Unit ma’ kwalunkwe produttur tal-vaċċini fid-dinja’.

Liz Truss qalet li hi sodisfatta li l-UE irtirat mill-pjan biex timplimenta l-kontrolli inkwistjoni u li kienu jfissru l-impożizzjoni ta’ hard border ( fruntiera effettiva) għall-Irlanda, b’abbuż għall-kriterji tal-ftehim dwar Brexit.

Dan meta r-Renju Unit  — li, flimkien ma’ Iżrael, qed jimplimenta l-aktar programmi aggressivi ta’ tilqim (kontra l-Covid-19) fid-dinja — jopponi akkost ta’ kollox il-‘protezzjoniżmu’ (fil-kwistjoni tal-vaċċini) bħala politika li taffettwa ħażin lill-ekonomija tad-dinja u, fuq kollox, l-isforzi lejn il-ħarsien tas-saħħa globali.

It-Tabiba Susan Hopkins, tal-Public Health England, qed tistenna li tara l-impatt tal-vaċċini fir-Renju Unit matul il-ġimgħatejn li jmiss. Iżda hi wissiet li l-awtoritajiet xorta se jkunu ‘kawti ferm’ fejn jidħol tnaqqis potenzjali ta’ restrizzjonijiet għall-pubbliku.

Dan għaliex in-National Health Service (NHS) tal-pajjiż se jibqa’ iġorr ‘il-piż straordinarju’ tal-pazjenti morda bil-Covid-19 sal-aħħar ta’ Marzu.

Min-naħa tagħhom, il-Ministri fir-Renju Unit qalu li ‘għadu kmieni wisq’ biex il-pajjiż jibda jagħti wħud mill-vaċċini tiegħu lil pajjiżi oħra,

Dan waqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sejħet biex l-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja jimpenjaw ruħhom għad-donazzjonijiet ta’ provvisti eċċessivi tal-vaċċini għal kontra l-coronavirus.

Fi żviluppi oħra, Franza imponiet restrizzjonijiet ġodda mal-fruntiera fid-dawl tal-kriżi tal-Covid-19 – iżda l-Gvern mill-ġdid irreżista lockdown ġdid fuq bażi nazzjonali.

Fil-preżent hu permess biss l-ivvjaġġar essenzjali lejn Franza minn barra l-UE, bil-proċessi tat-testijiet jiżdiedu għall-persuni li qed jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż mill-Istati-membri tal-Unjoni. Il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, qal li l-curfew ta’ bil-lejl fi Franza se jkun aktar infurzat u li mhumiex se jitħallew jiftħu ċ-ċentri kummerċjali kbar fil-pajjiż.

Intant, fl-Awstralja, il-belt ta’ Perth daħlet f’lockdown ‘immedjat’, effettiv għal ħamest ijiem, wara li gwardjan tas-sigurtà impjegat ma’ lukanda għall-persuni li jridu jgħixu fi kwarantina testja pożittiv għall-coronavirus. Din il-belt hi l-kapitali ta’ Western Australia – u dan l-Istat kien ilu ma jirreġistra każ ‘lokali’ tal-Covid-19 għal għaxar xhur konsekuttivi.

Il-lockdown f’Perth għandu jkompli sal-Ġimgħa bil-lejl u fejn ma jistgħux jiftħu l-iskejjel, ir-ristoranti, il-bars, is-swali taċ-ċinema u l-gymnasiums tal-belt.

Sadanittant,  fil-Libanu qed ikun infurzat wieħed mill-aktar curfews riġidi fid-dinja, meta l-isptarijiet f’dan il-pajjiż ma jistgħux ilaħħqu mal-każi tal-coronavirus. Il-Libanu, fl-aħħar ġimgħat, irreġistra numru rekord ta’ infezzjonijiet u mwiet mill-Covid-19 wara li l-awtoritajiet kienu naqqsu r-restrizzjonijiet soċjali waqt il-festi tal-Milied.