Kenneth Vella
B’kuntrast minn dak li mdorrijin naraw is-soltu, aktar kmieni fil-korsa Parigina ta’ Vincennes fi Franza, nieqsa min nies minħabba l-imxija tal-COVID19, saret l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-famuża Grand Prix d’Amerique, ikkunsidrata t-tazza tad-dinja tat-trott. Bħas-soltu din saret fuq distanza ta’ 2700m, kellha bidu bil-waqqaf, u b’kollox tmintax –il żiemel bdew serkin ma’ serkin. Għat-tieni sena konsekuttiva l-Amerique ntrebħet mill-Franċiż Face Time Bourbon misjuq mill-Iżvediż Bjorn Goop u f’ħin rekord ġdid tal-kompetizzjoni.
L-ewwel edizzjoni tal-Amerique kienet saret fl-1920. Kien 500m mit-tmiem li Goop talab lil Face Time Bourbon biex jibda jżid fil-ġiri fuq in-naħa ta’ barra. Dan ha l-kmand ftit metri wara u qasam il-linja finali l-ewwel mill-kwotat ukoll Davidson Du Pont f’idejn il-popolari Franciż Jean Michel Bazire u Gu d’Heripre taħt il-gwida ta’ Franck Nivard.
Face Time Bourbon kellu medja ta’ 1.10.8” fil-kilometru, ħin impressjonanti fuq din id-distanza twila. Ir-rekord ta’ qabel kien ta’ 1.11.2” imwaqqaf minn Bold Eagle fl-2017 misjuq minn Nivard u li kien milhuq mill-Iżvediż Readly Express is-sena ta’ wara f’idejn Goop.
Dawn it-tliet żwiemel, Face Time Bourbon, Bold Eagle u Readly Express huma lkoll ulied l-istaljun popolari Franciz Ready Cash, rebbieħ ukoll ta’ edizzjonijiet passati tal-Amerique.
Face Time Bourbon għandu sitt snin, huwa imħarreġ mill-Franċiż Sebastien Guarato u hu propjeta’ Taljana tal-iskuderija Bivans immexxija min Naplitan Antonio Somma. Sa llum fil-karriera tiegħu ħa sehem f’34 tiġrija u rebaħ 29 minnhom.
//= $special ?>