Futbol Sport

Gżira jżommu l-pass ma’ Ħamrun u ma’ Ħibernians

Ritratt (Trevor Sollars)

GŻIRA …………..2

VALLETTA …………0

Gżira: A.Curmi, G.Bohrer, S.Borg, N.Muscat, M.Davis, N.Portelli, M.Maia (B.Atajic, J.Mendoza, R.Correa, S.Borg, J.De Assis (C.Borg 78’)

Valletta: H.Bonello, J.Caruana (R.Fenech 80’), T.Caruana, S.Malano (N.Pulis 72’), M.Piciollo, S.Dimech (M.Alba 59’), K.Nwoko, J.Zerafa, E.Sala (R.Camilleri 46’), R.Muscat (M.Fontanella 59’), L.Aguirre

Referee: M.Spiteri

Assistenti Referees: M.Scerri, J.Muscat

Gżira kisbu rebħa importanti fuq Valletta bl-iskor ta’ 2-0 biex b’hekk komplew iqawwu it-tamiet tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat. Min-naħa l-oħra għal Valletta dan kien it-tieni riżultat negattiv din il-ġimgħa wara t-telfa kontra it-tim fil-quċċata Ħamrun.

L-ewwel azzjoni perikoluża għall-Gżira waslet fit-22 minuta meta minn ħarba minn fuq il-lemin ta’ Martin Davis, id-difiża ta’ Valleta kellha titħabat biex titfa’ l-ballun f’corner. Gżira marru fil-vantaġġ mill-istess corner meta minn cross minn fuq ix-xellug kien MAXUELL MAIA li ghola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Bonello għal 1-0. Gżira għal darb’oħra fuq l-attakk fit-28 minuta meta Correa daħħal tajjeb fil-kaxxa bid-difiża ta’Valletta tilħaq fil-ħin u tneħħi l-periklu.

Valletta resqu viċin il-gowl fis-37 minuta meta ix-xutt minn barra ta’ Matteo Picciollo ixxellef mid-difensur ta’ Gżira u laqgħat il-lasta, bil-ballun jibqa’ sejjer għall-corner. Mal-ftuħ tat-tieni taqsima fis-47 minuta, Gżira irdoppjaw meta De Assis qassam tajjeb lil MAXWELL MAIA, b’dan tal-aħħar javvanza diversi metri qabel tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka għal 2-0.

Valletta komplew jfittxu l-gowl meta fil-75 minuta Joseph Zerafa għadda tajjeb minn fuq il-linja xellugija madanakollu it-tentattiv tiegħu għadda ftit barra. Valletta reġgħu marru viċin fid-79 minuta meta minn cross minn fuq ix-xellug ta’ Joseph Zerafa, Kyrian Nwoko ikkonkluda bir-ras, bil-gowlkiper ta’ Gżira Anthony Curmi jdawwar f’corner.

Gżira sfaw b’raġel inqas hekk kif tkeċċa l-eks tal-partita Steve Borg fl-84 minuta meta ġie muri it-tieni karta safra, wara li pprova jwaqqaf lil Mario Fontanella. B’ hekk b’din ir-rebħa Gżira United komplew inaqqsu id-distakk maż-żewġ timjiiet ta’ fuq Ħamrun u Ħibernians, fejn baqgħu fit-tielet post b’34 punt, filwaqt li din it-telfa tħalli lil Valletta fil-11 il-post tal-klassifika bi 23 punt.