Wara li l-Ministru Owen Bonnici din il-ġimgħa kkonferma li l-Gvern għad m’għandux soluzzjoni għal dawk il-persuni li f’dawn l-aħħar xhur tilfu xogħlhom, dalgħodu l-Ministru tal-Finanzi naqas milli jindirizza din il-kwistjoni delikata tal-qgħad. Bl-aħħar ċifri jikkonfermaw li n-nies bla xogħol issa qabżu sew it-12,000 persuna – ferm aktar miċ-ċifri li kellna fis-Sajf.
Waqt l-attività politika tal-Ħadd, il-Ministru Clyde Caruana qal biss li l-impatt tal-pandemija kien kbir. “Il-partit irid jibqa’ b’saħħtu, u rridu ningħaqdu wara l-Mexxej tagħna”, sostna l-Ministru tal-Finanzi.
Din il-ġimgħa stess il-Ministru Owen Bonnici – issa responsabbli mill-istrateġija post-covid – qalilna li din l-istrateġija suppost ser tkun qed toħroġ sa 6 xhur oħra.
Preżentament bosta huma dawk il-persuni li huma mifnija bl-inċertezza bis-sitwazzjoni tax-xogħol f’pajjiżna, bl-aħħar ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-qgħad kompla jgħolli rasu sakemm sal-aħħar tas-sena kienu 12,490 il-persuni li spiċċaw qiegħda – bir-rata ta’ qgħad titla’ għal 4.5%.
//= $special ?>