L-attakkant Eġizzjan ta’ Liverpool, Mohamed Salah, skorja għall-ewwel darba f’seba’ logħbiet tal-Premier League u kien strumentali fir-rebħa (3-1) tal-Merseysiders fuq West Ham United fil-London Stadium. B’din ir-rebħa, ir-Reds ta’ Jurgen Klopp telgħu t-tielet fil-klassifika tal-Premier League b’punt aktar minn Leicester City li tilfu b’sorpriża f’darhom kontra Leeds United. Liverpool kienu xi ftit aħjar mill-Hammers fl-ewwel taqsima li ftit ipproduċiet azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti, iżda t-tieni 45 minuta kienu ferm aktar movimentati, b’SALAH (57) isib l-ispazju f’tarf il-kaxxa qabel venven ġmiel ta’ xutt lejn ir-rokna tax-xibka.
It-tieni gowl tar-Reds wasal minn kontra-attakk veloċi, meta – sekondi wara korner għal West Ham – il-ballun kien mill-ġdid fix-xibka tal-Hammers…u fi kwistjoni ta’ sekondi. Kien Xherdan Shaqiri li rċieva ballun fit-tul u sab lil Salah waħdu fil-kaxxa, bil-flick tal-Eġizzjan jegħleb għat-tieni darba lil Lukasz Fabianski. Is-sostitut Firmino imbagħad ħadem ballun għal Georginio WIJNALDUM biex jiskorja t-tielet gowl ta’ Liverpool (84), b’West Ham jiksbu konsolazzjoni għal wirja ferm diżappuntanti permezz ta’ Craig DAWSON (87).
Fil-logħba li ntlagħbet tard, Brighton and Hove Albion għelbu lil Tottenham Hotspur 1-0, fl-Amex Stadium, bil-gowl importanti jasal fl-ewwel taqsima minnm Leandro TROSSARD wara 17-il-minuta. Din kienet l-ewwel rebħa ‘home’ fil-league għas-Seagulls li issa jinsabu seba’ punti ‘il fuq miz-zona l-ħamra. Intant, Spurs kienu nieqsa mill-ideat u bħala konsegwenza spiċċaw isofru t-tieni telfa f’erbat ijiem wara d-disfatta ta’ nhar il-Ħamis ma’ Liverpool f’The New White Hart Lane. Fil-fatt, kienu Brighton li resqu qrib it-tieni gowl, meta s-sostitut, Aaron Connolly, ra t-tentattiv tiegħu maqlugħ minn fuq il-linja fatali minn Toby Alderweireld – bit-tim ta’ Jose Mourinho ftit li xejn ikunu ta’ periklu tul id-90 minuta.
Leicester City baxxew rashom ma’ Leeds United (1-3) fil-King Power Stadium biex temmew is-sekwenza ta’ seba’ logħbiet mingħajr telfa fil-kampjonat. Kien Harvey BARNES li poġġa lil Leicester minn fuq fit-13-il minuta iżda minn dak il-ħin Leeds taw waħda mill-aħjar wirjiet tal-istaġun, bi Stuart DALLAS jagħmilhom 1-1, anqas minn żewġ minuti wara, fuq l-assist ta’ Patrick Bamford. Għoxrin minuta mit-tmiem, BAMFORD poġġa lill-Yorkshireman fil-vantaġġ (u għall-ewwel gowl personali f’ħames logħbiet), bl-attakkant ikun ukoll strumentali fit-tielet u l-aħħar gowl għal Leeds skurjat minn Jack HARRISON (84). Fl-aħħar ħinijiet, Ayoze Perez u Mateusz Klich it-tnejn kellhom ‘gowls’ imħassrin għal Leicester u Leeds rispettivament.
Gowls minn Cesar AZPILICUETA u Marcos ALONSO kienu biżżejjed biex jaċċertaw ir-rebħa ta’ Chelsea fuq Burnley fi Stamford Bridge, b’dan ikun ukoll l-ewwel suċċess għal Thomas Tuchel bħala l-head coach tal-Blues.
Azpilicueta, il-captain tat-tim, sab ix-xibka ftit qabel il-mistrieħ meta rċieva mingħand Hudson-Odoi u ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Nick Pope b’xutt fil-baxx. Il-gowl li ssiġilla r-rebħa għall-Blues wasal ħames minuti mit-tmiem meta Alonso ikkontrolla l-kross ta’ Christian Pulisic qabel irdoppja b’volley mill-isbaħ. B’din ir-rebħa Chelsea telgħu is-seba’ fil-klassifika, waqt li Burnley baqgħu ankrati fil-15-il post tal-Premier League.