Ħmistax wara li l-Kap tal-PN semma’ l-kwistjoni tal-kirjiet f’laqgħa li saret fil-Mosta, illum Robert Abela – ġimgħatjen wara – għażel li jipprova jindirizza l-kritika li saritlu għall-fatt li baqa’ totalment sieket fuq din it-tema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Quddiem il-partitarji Laburisti miġbura f’lukanda f’Tas-Sliema, Robert Abela ammetta li din hi problema kbira li għandu l-Gvern quddiemu. Iżda ftit li xejn offra soluzzjonijiet – għajr għall-fatt li n-nies milquta qed jingħataw parir bl-avukat.
Ftit qabel beda d-diskors tiegħu spikka dak li qalet Veronique Dalli, oħt il-Ministru Miriam Dalli, illi tat ċamata lil Robert Abela u qaltlu b’mod ċar li hawn familji li qed jirriskjaw jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna
Robert Abela tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19, u rrepeta li bħalissa “qed ngħixu f’ġenna” – frażi li irrepetiha darbtejn.
“Kburi. Qed ngħixu tajjeb, u ninsabu f’sitwazzjoni stabbli”, stqarr il-Prim Ministru.
Intant, fid-diskors tiegħu, Robert Abela għamel u-turn enormi. U issa qed jgħid li l-pandemija mhux se tgħaddi mil-lum għal għada.
Dan ifisser li wara ġimgħat sħaħ jattakka lill-Partit Nazzjonalista, issa qed jispiċċa jitkellem bħall-esperti mediċi, bħall-Oppożizzjoni, il-unions u n-nies tan-negozju.
Il-korruzzjoni u s-Saltna tad-Dritt
Robert Abela ħabbar li l-Gvern qed jistenna r-rapport tal-MoneyVal. “Dan hu eżami kruċjali”, qal il-Prim Ministru. Iżda imkien ma għamel referenza għar-rapport ta’ Transparency International – test illi fih il-Gvern ta’ Abela falla kompletament, bit-tmexxija tiegħu tinżel fl-agħar livell fejn tidħol il-korruzzjoni.