Chris Cassar
VITTORIOSA S. ………….0
ST.ANDREW’S ……………1
Vittoriosa S: R. Caruana, C. Spiteri, I. Abela, I. Curmi, G. Sultana, D. Sowatey, G. Zammit, R. Previ, A. Oularbi, R. Sgaria Farias, D. Borg Castaldi.
St.Andrews: N. Grima, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, M. Ono, N. Bradshaw, J. Farrugia, M. Bartolo, K. Bituemi, A. Borg Olivier, L. Borg, K. Jackson.
Referee: Shaun Calleja
Wara tliet telfiet konsekuttivi St. Andrew’s irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Vittoriosa b’gowl xi ftit fortunat skorjat minn Luke Anthony Borg fit-tieni taqsima. Għas-Saints dawn huma tliet punti mill-iktar prezzjużi fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni.
L-ewwel azzjoni perikoluża kienet ta’ St. Andrews b’ġirja ta’ Ono u kross lejn Luke Borg li b’daqqa ta’ ras impenja lil Caruana. Risposta ta’ Vittoriosa b’azzjoni ta’ Gianluca Zammit u xutt tajjeb li kien salvat minn Grima.
Il-logħob kompla ferm bilanċjat u bi ftit azzjonijiet ta’ skor. Fl-aħħar battuti tat-taqsima St. Andrews żiedu l-isforzi tagħhom u kienu perikolużi b’xutt ta’ Borg li ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka u daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Ono li għaddiet ftit barra. Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Vittoriosa viċin li jiftħu l-iskor meta Zammit daħal tajjeb fil-kaxxa bix-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa. Fis-57 minuta St. Andrews fallew ċans tad-deheb meta l-goalkeeper ta’ Vittoriosa kellu ħarġa ferm ħażina iżda inkredibilment Borg Olivieri spara għoli mill-kaxxa ż-żgħira.
Fis-70 minuta St. Andrews fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner Ono xeħet għan-nofs, bid-difiża ta’ Vittoriosa ttajjar il-ballun li ħabat ma’ Luke Borg bil-ballun jispiċċa fix-xibka. Vittoriosa wettqu reazzjoni iżda kienu St. Andrews li fallew ċans ieħor tajjeb permezz ta’ Luke Borg wara inċertezza fid-difiża. Vittoriosa bdew jagħfsu fl-aħħar ħinijiet u xutt mill-viċin ta’ Serna kien salvat minn fuq il-linja mid-difiża tas-Saints.
QORMI ……………………..0
PEMBROKE A. …………….4
Qormi: M. Falzon, O. Sidibe, L. Farrugia, L. Theuma, D. Camilleri, G. Borg, T. Grima, N. Falzon, R. Uriu, A. Da Silva, L. Azzopardi.
Pembroke A: P. Schranz, A. Marshall, K. Farrugia, D. Sant, K. Frendo, J. Ogunnupe, N. Frendo, A. Abdeen, T. Fenech, C. Zammit, P.P. Sammut
Referee: Ezekiel Barbara
Pembroke saħħew posthom f’ras il-klassifika anki jekk lagħbu iktar logħob minn Marsa, meta bl-iktar mod faċli għelbu lit-tim tal-qiegħ Qormi. Il-logħba damet ftit minuti b’interess għaliex sal-ewwl 17-il minuta Pembroke kienu diġa’ bnew tliet gowls vantaġġ u l-logħba tista’ tgħid li ntemmet hemm. Għall-kumplament tagħha Pambroke komplew jattakkaw u jamministraw il-vantaġġ komdu tagħhom, bil-Qriema li ġenerożament ippruvaw jidħlu mill-ġdid fil-logħba iżda mingħajr suċċess. Il-leaders pembroke mill-ewwel ħarġu fuq l-attakk u wara sitt minuti fetħu l-iskor b’azzjoni fuq ix-xellug ta’ Neil Frendo li qassam lejn Abdul li minn żewġ passi bogħod ma falliex. Żewġ minuti wara Pembroke irduppjaw għal darb’oħra permezz ta’ Abdul li approfitta minn spazji kbar fid-difiża ta’ Qormi biex għeleb faċilment lil Falzon.
Fis-17-il minuta azzjoni tajba fuq il-lemin ballun li jasal għand Peter Paul Sammut li b’xutt fil-baxx jagħmilhom tlieta. Il-logħba f’dan l-istadju kienet prattikament mitmuma. Pembroke baqgħu jattakkaw iżda mhux bl-istess intensita’ u l-iskor baqa’ ma nbidilix sal-intervall.
Fit-tieni taqsima Pembroke ikkontrollaw il-logħba b’ħafna pussess tal-ballun u xi azzjonijiet perikolużi fosthom daqqa ta’ ras ta’ Sammut li kient maqlugħa minn fuq il-linja. Fil-85 Pembroke għamluhom erbgħa meta cross ta’ Kane Farrugia
nifed id-difiża ta’ Qormi u fuq it-tieni lasta kien hemm Lawrence Chiedozie li kompla għal ġewwa mill-viċin.
NAXXAR L. ………………. 0
MARSA …………………….3
Naxxar: O. Borg, J. Sciberras, R. Mercieca, M. Mifsud, N. Borg, C. Bibaku, AS Azzopardi (E. Cerqueira 78’), RG Cassar, S. Meilak, LJ Schembri (S. Fabri), B. Schembri (G. Xuereb 84’)
Marsa: NG Vella, P. Chircop (C. Baldacchino Gatt 44’), J. Bondin, M. Micallef, J. de Lima, D. Grima, PM Teixeira (P. Santos de Azevedo 65’), F. Gusman, S. Haruna Shola (A. Monticelli 74’), L. Micallef (I. Zammit 74’), D. Agius (L. Grech 74’)
Referee: Daniel Portelli
Marsa kisbu rebħa meritata fuq Naxxar, f’partita li huma ddominaw mill-bidu sat-tmiem. Naxxar ftit li xejn resqu lejn il-lasti avversarji, u l-gowlkiper Vella rarament kien meħtieġ li jintervjeni.
Marsa fetħu l-iskor wara biss 19-il minuta logħob minn kross ta’ Chircop. Kien Teixeira l-ewwel li ttanta xortieh b’daqqa ta’ ras, iżda din ġiet salvata mill-gowlkiper Borg. Mir-rebound, Lydon Micallef ma falliex.
Marsa komplew jattakkaw fit-tieni taqsima, u marru viċin li jirduppjaw fl-54 minuta, meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Agius għadda ftit għoli. Huma rnexxielhom jissiġġillaw it-tliet punti fl-aħħar ftit minuti tal-logħba. Fis-87 minuta kien Santos li għadda lejn is-sostitut Leighton Grech, li qabeż żewġ plejers avversarji u għadda l-ballun minn fuq il-gowlkiper Borg, għar-rokna tax-xibka. Fl-aħħar ftit sekondi logħob, l-istess Grech għadda tajjeb mal-ġenb tad-difiża ta’ Naxxar u qassam lejn in-nofs, fejn b’xutt mill-ewwel, Ian Zammit ma ta l-ebda ċans lid-difensuri li jsalvaw, u skorja t-tielet gowl għal- leaders Marsa.
BOV CHALLENGE LEAGUE
Ilbieraħ: Qrendi v Żebbuġ 2-6, Pieta H. v Swieqi U 0-3 Illum: Vittoriosa v St. Andrews 0-1, Marsaxlokk v Mqabba 6-0, Qormi v Pembroke A 0-4, Naxxar v Marsa 0-3