Internazzjonali

Russja: Eluf ta’ dimostranti joħorġu b’appoġġ għal Navalny fost mijiet ta’ arresti

Eluf ta’ ċittadini ħarġu fit-toroq tal-ibliet prinċipali biex jieħdu sehem fi protesti mhumiex awtorizzati u fejn insistew għall-ħelsien mill-ħabs tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny.

Il-pulizija, intant, arrestaw ‘il fuq minn 2,000 dimostrant waqt li l-qawwiet tas-sigurtà f’Moska għalqu l-istazzjonijiet tal-metro flimkien mal-aċċessi lejn iċ-ċentru tal-kapitali waqt l-eqqel tal-protesti.

Alexei Navalny spiċċa arrestat mar-ritorn tiegħu fir-Russja u wara li dam ix-xhur rikoverat fil-Ġermanja wara li, f’Awwissu, kien spiċċa mira ta’ attentat li kważi swielu ħajtu.

Fl-attakk, Navalny kien spiċċa jixrob tazza kafe b’kimika velenuża qabel kellu jaqbad titjira interna – u bil-konsegwenza li hu dam il-jiem f’xifer il-mewt.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa – fost l-akbar kritiċi tal-President Russu Vladimir Putin  — qed iwaħħal fis-servizzi tas-sigurtà tar-Russja għall-‘attentat fuq ħajtu’ iżda l-Kremlin ta’ Moska qed jiċħad l-akkuża.

Intant, l-awtoritajiet Russi qalu li Navalny spiċċa taħt arrest għaliex hu naqas milli jirrapporta regolarment lill-pulizija wara li hu kien ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża dwar frodi. Iżda Navalny qed jinsisti li l-arrest tiegħu qed isir ‘bi ksur sfaċċat tal-liġi’.

Dan għaliex l-awtoritajiet Russi, fis-sajf, kienu permettew li hu jivvjaġġa lejn Berlin biex it-tobba jitrattawh għall-effetti tal-ivvelenar bil-kimika Novichok. Fl-istess ħin, il-ġurnalisti investigattivi qed jallegaw li aġenti tas-servizzi sigrieti Russi FSB kienu ‘responsabbli’ għall-ivvelenar ta’ Navalny.

Fid-dimostrazzjonijiet tallum f’Moska, numru ta’ nies bdew imorru direttament għal fuq il-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet fost għajjat favur Navalny – ubil-pulizija jaħtfu numru ta’ nies u jtellgħuhom fuq ix-xarabanks li wassluhom lejn iċ-ċentri għal detenzjoni.

Id-dimostranti anki pruvaw jaslu sal-ħabs ta’ Matrosskaya Tishina fejn qed jinżamm Alexei Navalny, fost rapporti li l-mara ta’ Navalny, Yulia, spiċċat ukoll fost l-arrestati.

Il-pulizija, intant, insistew li l-protesti kienu illegali waqt li l-awtoritajiet Russi qalu li dawn id-dimostrazzjonijiet kapaċi ‘iferrxu bil-kbir il-coronavirus.’

Dimostrazzjoni kbira oħra saret fil-belt ta’ San Pietruburgu waqt li spikkaw ukoll il-protesti fil-lvant tar-Russja u fil-belt ta’ Novosibirsk, fis-Siberja, fejn folla ta’ mijiet immarċjat miċ-ċentru, fost għajjat ta’ slogans kontra l-President Putin. Rallies oħra kienu rappurtati fil-belt ta’ Omsk ( li wkoll tinsab fis-Siberja) u f’Yekaterinburg, fir-reġjun ta’ Ural.