Coronavirus Lokali Saħħa

Żewġ t’imwiet oħra kaġun tal-Covid – 182 każ ġdid

L-aħħar fatalitajiet kienu raġel ta' 78 sena u mara ta' 63 sena

Pajjiżna reġa’ rreġistra żewġ t’imwiet oħra kaġun tal-Coronavirus hekk kif it-total ta’ vittmi issa tela’ għal 267. L-ammont totali ta’ vittmi tal-imxija matul ix-xahar ta’ Jannar sa issa huwa dak ta’ 47 persuna.

L-aħħar fatalitajiet kienu raġel ta’ 78 sena u mara ta’ 63 sena. Iż-żewġ vittmi tilfu ħajjithom fl-isptar Mater Dei.

Bejn is-Sibt u l-Ħadd instabu 182 każ pozittiv filwaqt li l-każijiet attivi huma 2,676.

Aħbar tajba hi li fl-aħħar sigħat fiequ 185 persuna mill-imxija tal-Covid-19 biex issa t-total ta’ dawk li fiequ huwa dak ta’ 14,960. It-total tal-każijiet li nstabu minn Marzu ‘l hawn huwa dak ta’ 17,903.

Sa issa ngħataw 26,847 doża tal-vaċċin, bi 3,456 persuna jingħataw it-tieni doża.

In-numri li rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat juru realtà differenti minn dik li pinġa il-Prim Ministru Robert Abela meta fid-29 ta’ Novembru kien wiegħed bidu ta’ triq lura għan-normalità mas-sena l-ġdida – normalità li din il-ġimgħa ġiet posposta minn Abela stess…..għal Marzu.

Intant qed ikomplu l-appelli mill-awtoritajiet tas-saħħa biex kulħadd jibqa’ kawt. Waqt il-konfernza tal-aħbarijiet tal-Ġimgħa, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku biex jibqa’ josserva l-miżuri ta’ mitigazzjoni ħalli jitnaqqsu l-każi ġodda… b’appell ukoll anke lil dawk il-persuni li rċievew it-tieni doża tat-tilqima.