Lokali

Aktar minn nofs miljun miġbura fil-Maratona ‘Il-Missjoni Bżonnok’

Matul edizzjoni oħra tal-maratona ‘Il-Missjoni Bżonnok’, organizzata mill-Fondazzjoni U mill-Ġimgħa 29 ta’ Jannar sal-bieraħ il-Ħadd f’nofsillejl, inġabret is-somma sabiħa ta’ €523,890.

Din kienet somma rekord li nġabret proprju f’għeluq il-25 edizzjoni ta’ din il-maratona, flus li se jmorru b’risq familji u tfal li jgħixu fil-faqar u l-miżerja f’pajjiżi tal-missjoni.

Din id-darba l-maratona ġabret flus għal missjunarji Maltin li jaħdmu f’pajjiżi bħalma huma l-Kenja, il-Brażil, l-Etjopja, iż-Żambja, l-Indja, il-Gambja, il-Pakistan u l-Albanija. Matul il-maratona saru bosta kollegamenti diretti ma’ wħud mill-missjunarji Maltin preżenti f’dawn il-pajjiżi.

F’kumment li ta fi tmiem il-maratona, il-fundatur u direttur tal-Fondazzjoni U, Dun Ġwann Farrugia, irringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha għal din il-ġenerożità kbira tagħhom u lil dawk kollha li b’xi mod ħadmu għal dan is-suċċess. Hu qal li kien emozzjonat jara din il-ġenerożità kollha mill-Maltin u l-Għawdxin, li minkejja d-diffikultajiet li bosta għaddejjin minnhom minħabba l-pandemija tal-Covid-19, wieġbu bi ħġarhom għall-appelli kontinwi li saru fil-jiem li għaddew.

Fost il-personalitajiet li attendew waqt din il-maratona u wieġbu t-telefonati tat-telespettaturi, għal xi ħin kien hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-mara tiegħu, li ddedikaw ħin ukoll biex iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

Il-maratona kienet imxandra matul tlett ijiem sħaħ, inkluż diversi intervisti matul il-lejl, bis-sehem ta’ diversi preżentaturi, fuq l-istazzjonijiet lokali tat-televiżjoni, inkluż Net Television.