Lokali

“Bżonn li Malta tmur għal enerġija rinnovabbli”

“Irrid nara bilanċ ġust bejn l-ambjent u l-progress…. u parti importanti minn dan kollu hi l-politika ta’ pajjiżna dwar l-enerġija.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech f’messaġġ li ppubblika fuq il-midja soċjali, fejn kompla jispjega dak li ħabbar nhar il-Ħadd waqt il-laqgħa li indirizza fil-Belt. Dan hekk kif fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed jitħabbru l-pilastri li fuqhom se tinbena din il-politika li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar.

Bernard Grech il-Ħadd stqarr li għandu viżjoni ċara dwar il-futur tas-settur tal-enerġija. “Dan il-qasam ser ikun parti essenzjali mis-suċċessi li nistgħu niksbu fil-futur, kemm biex noffru kontijiet irħas, iżda daqstant ieħor biex nipproduċu enerġija nadifa li ttejjeb is-saħħa tal-familji tagħna”.

L-ambjentalist u Professur fl-Università ta’ Malta, Alan Deidun, saħaq ma’ In-Nazzjon li partit politiku għandu dejjem iħares ’il quddiem. U issa, ma fadlilnix aktar skużi biex ma mmorrux għal teknoloġiji ta’ enerġija aktar nadifa – għaldaqstant insista li l-politiku jrid jagħti widen lill-poplu.

Huwa spjega l-importanza tal-enerġija rinnovabbli bħal dik tal-hydrogen – użu ta’ enerġija li ta’ min wieħed iħares lejh b’serjetà.

Huwa saħaq li għandna nnaqsu l-emissjonijiet mhux biss biex nilħqu mal-miri Ewropej imma l-għaliex it-tibdil fil-klima hija theddida għalina lkoll, waql li fakkar li għal din m’hemm l-ebda vaċċin.

Il-Ko-Fundatriċi tal-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, Asrid Vella, fil-kummenti tagħha saħqet dwar l-importanza li mhux biss inħarsu lejn it-tibdil fil-klima bħala xi ħaġa dinjija, iżda anke mil-lat lokali.

Filwaqt li aċċennat fuq l-effetti tat-tniġġis fl-arja fuq saħħet in-nies bħal mard respiratorju, mard tal-qalb u saħansitra dimensja, Astrid Vella apprezzat il-ftit sforz li qed isir bil-Green Walls f’uħud mil-lokalitajiet Maltin iżda saħqet li dan mhux biżżejjed, u li din il-ħaġa ma tpattix għall-isfreġju tal-aħħar snin.

Hija qalet ukoll li Malta għandha d-dmir li tagħmel il-parti tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda minflok spiċċajna nqaċċtu s-siġar.