Internazzjonali

Covid-19: L-AstraZeneca se tissupplixxi miljuni ta’ dożi tal-vaċċin lill-UE

L-Unjoni Ewropea qalet li l-kumpanija Anglo-Żvediża, AstraZeneca, se tissupplixxi mad-disa miljun doża addizzjonali tal-vaċċin tagħha lill-Unjoni sa Marzu li ġej.

Dan l-iżvilupp seħħ wara jiem ta’ diżgwid qawwi bejn l-Unjoni u din il-kumpanija dwar il-provvista tal-vaċċin li kienet miftihema mal-istess AstraZeneca. Madankollu jidher li se jkomplu xorta l-problemi għall-programmi tad-distribuzzjoni tal-vaċċini għall-parti kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa.

Dan għaliex l-40 miljun doża tal-vaċċin li ‘issa’ mistennija jingħataw lill-UE huma biss ‘in-nofs’ ta’ dak li kien qed ikun ittamat qabel.

L-Unjoni kienet anki involuta fi ‘gwerra dwar il-vaċċini’ mar-Renju Unit iżda issa, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, fissret l-aħħar żvilupp bħala ‘pass ‘il quddiem.  L-UE, intant, qed tnaqqas ir-retorika ostili fil-konfront tar-Renju Unit wara li l-mexxejja tal-Unjoni esprimew rabja talli l-Britanniċi kienu qed jingħataw il-provvisti tal-vaċċin tal-AstraZeneca — bl-Istati Ewropej spiċċaw isofru n-nuqqasijiet fil-provvista.

Fl-istess ħin, hu minnu li l-Britanniċi kellhom il-viżjoni li jinvestu fil-vaċċin minn ħafna qabel u waqt li kien għadu fi stadju ta’ produzzjoni – bl-UE tibqa’ lura minn kull inizjattiva. L-Unjoni issa rtirat deċiżjoni għall-kontrolli tal-esportazzjoni fir-rigward tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 li qed ikunu prodotti fil-pajjiżi tagħha u meta qabel kellha l-ħsieb li ‘tipproteġi’ l-provvisti tagħha.

Dan meta l-ftehim ta’ Brexit ( bejn ir-Renju Unit u l-UE) jaċċerta li mgħandu jkun hemm l-ebda ostakoli għall-kummerċ bejn ir-Repubblika tal-Irlanda (membru tal-UE) u l-Irlanda ta’ Fuq.

L-aħħar ċifri globali dwar l-impatt tal-coronavirus kkonfermaw talanqas 102 miljun każ tal-Covid-19, bi 2.2 miljuni jisfaw vittma tal-marda.

Fi żviluppi oħra, is-Servizzi tas-Saħħa (NHS) fl-Ingilterra żvelaw li r-residenti ta’ kull dar għall-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali kienu ‘offruti’ tilqima b’vaċċin kontra l-coronavirus. Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li dan hu ‘tragward kruċjali’ meta l-Gvern immexxi minnu qed jistinka biex ilaqqam lill-aktar ċittadini li huma vulnerabbli għall-virus.

Intant, ir-Renju Unit kompla juri l-effettività tal-programmi tat-tilqim kontra l-Covid-19, bl-istatistika tindika li 598,389  persuni ngħataw l-ewwel tilqima tal-vaċċin fil-ġurnata tas-Sibt — u li hu rekord għal jum wieħed.