Il-Kap li tkeċċa mir-reġjun ta’ Tigray, fl-Etjopja, żvela li l-qawwiet Etjopjani, flimkien ma’ truppi mill-Eritrea, wettqu gwerra devastanti li ħalliet l-effetti ta’ ‘ġenoċidju’ fl-istess reġjun.
Intant, Debretsion Gebremichael qed iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tinvestiga l-allegati atroċitajiet fir-reġjun tiegħu, fost indikazzjonijiet ta’ diversi reati tal-gwerra li jmorru lura għall-aħħar ġimgħat tas-sena li għaddiet.
Madankollu, il-Gvern tal-Etjopja qed jirribatti l-akkużi ta’ Gebremichael bħala ‘infondati’ waqt li ħareġ b’kontro-akkużi li l-qawwiet ta’ Tigray – taħt it-tmexxija ta’ dan il-kap – huma ħatja dwar ‘reati terribbli’.
Il-konflitt ta’ Tigray żbroffa f’Novembru li għadda wara li l-qawwiet ta’ Debretsion kienu ħatfu kontroll tal-bażijiet militari tal-Gvern Etjopjan fl-istess reġjun.
Il-Prim Ministru tal-Etjopja, Abiy Ahmed, kien irritalja b’offensiva mill-art u mill-ajru u bir-riżultat li l-Armata tiegħu rnexxielha taħtaf il-belt ta’ Mekelle – il-kapitali ta’ Tigray – fit-28 ta’ Novembru.
Intant, Debretsion Gebremichael ħarab mill-kapitali flimkien ma’numru ta’ ġellieda mill-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray (TPLF) immexxi minnu stess u fejn ħalef li jkompli jirreżisti l-kontroll tal-awtoritajiet federali f’Tigray.
Il-konflitt wassal biex madwar żewġ miljun ruħ – jew terz tal-popolazzjoni ta’ Tigray – jispiċċaw jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati.
Kien proprju fil-bidu tas-sena li ħarġu rapporti li numru ta’ uffiċjali ewlenin tat-TPLF kienu tilfu ħajjithom fil-konflitt ta’ Tigray.
U issa, Debretsion Gebremichael qed jinsisti li l-Front sofra d-disfatti militari ‘minħabba l-fatt li l-qawwiet ta’ erba’ Gvernijiet kienu qed jiġġieldu kontrih u l-ġellieda tiegħu’. Hawnhekk hu akkuża lil Abiy Ahmed b’li ‘stieden’ lill-qawwiet inkwistjoni – fosthom l-Armata tal-Eritrea – ‘biex huma jimmassakraw lill-poplu ta’ Tigray.’
//= $special ?>