Lokali Parlament

Il-bniedem fiċ-ċentru tal-politika soċjali; il-problema tad-droga infirxet wisq

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li l-Kap tal-PN Bernard Grech iddikjara li l-politika ssir b’diversi modi fejn ħafna minnha ssir billi l-politiċi jitkellmu man-nies; ikunu viċin in-nies. Fil-politika il-bniedem irid jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politika; fuq quddiem fil-politika soċjali.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li f’Malta hawn realtajiet differenti fejn kunsiderazzjoni ewlenija għandha tkun x’tip ta’ xogħol hawn fil-pajjiż biex fil-familja jgħixu kwalità ta’ ħajja.

Hi kompliet li għamlet żjara lill-Fondazzjoni Oasi u sellemt lit-team kollu li jaħdem f’din il-fondazzjoni. Jirriżulta li fl-2017 kien hemm 111 raġel u 30 mara li ħadu servizzi mill-Fondazzjoni waqt li fl-2020 kien hemm 241 raġel u 30 mara. Dawn huma kollha eġrsuni li għandhom il-vizzju tad-droga u l-alokoħol.

Fl-2017 35% tal-kijenti tal-Fondazzjoni kienu ħaddiema iżda bħalissa hemm varjazzjoni fejn il-klijenti li huma ħaddiema niżlu għal 21% u hemm 24% professjonisti u 20% persuni f’karigi post maniġerjali. Dan juri li kull tip ta’ nies jiffaċċjaw din il-problema; bl-akbar vizzju jkun l-alkoħol (29%), l-eroina (13%) u l-kokaina li minn 15% telgħet għal 23% waqt li l-crack cocaine tinsab fl-istess livell tal-alkoħol (28% u 29% rispettivament). Dawn huma ċifri inkwetanti ħafna li juru li hawn soċjetà li għalija xejn m’hu xejn.

Claudette Buttigieg qalet li l-Politika Nazzjonalista dwar l-Użu tad-Droga kienet aġġornata l-aħħar fl-2008 iżda jidher li l-politika l-ġdida se tkun pubblikata s-sena li ġejja.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li n-numru tal-persuni li jabbużaw mid-droga infirex ħafna; dan juri kemm fis-soċjetà hawn problema kbira ħafna. Jeħtieġ azzjoni mmedjata biex tissalva r-ruħ tas-soċjetà Maltija għaliex is-soċjetà tnawret minn ġewwa fejn l-aċċessibbiltà ultra-faċli biex tinxtara d-droga hi inkwetanti ħafna. Hawn ħwienet li huma attrezzati għat-teħid tal-kokaina.